Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-liturġija tal-lum Ġesù jiddeskrivi tribulazzjoni kbira: “ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu” (Mk 13,24).  Quddiem din it-tbatija ħafna forsi jaħsbu fl-aħħar tad-dinja, iżda l-Mulej jaħtaf l-okkażjoni biex joffrielna interpretazzjoni differenti u jgħid: “is-sema u l-art jgħaddu iżda kliemi ma jgħaddix (Mk 13,31).

Nistgħu nieqfu ftit fuq din l-espressjoni: dak li jgħaddi u dak li jibqa’.  Ibda biex, dak li jgħaddi.  F’xi ċirkustanzi ta’ ħajjitna, meta nkunu għaddejjin minn xi kriżi jew inġarrbu xi falliment, kif ukoll meta madwarna naraw in-niket li joħolqu l-gwerer, il-vjolenza, id-diżastri naturali, ikollna s-sensazzjoni li kollox miexi lejn it-tmiem, u nindunaw ukoll li anki l-aktar ħwejjeġ sbieħ jgħaddu.  Però, il-kriżijiet u l-fallimenti, anki meta jġibu niket kbir, huma importanti, għax jgħallmuna nagħtu il-piż ġust lil kull ħaġa, biex ma norbtux qalbna mar-realtajiet ta’ did-dinja, għax dawn jgħaddu: id-destin tagħhom hu l-għibien.

Fl-istess ħin Ġesù jitkellem dwar dak li jibqa’.  Kollox jgħaddi imma kliemu ma jgħaddix: kliem Ġesù jibqa’ għall-eternità.  Għalhekk jistedinna biex ikollna fiduċja fl-Evanġelju, li fih il-wegħda tas-salvazzjoni u tal-eternità, u biex ma nibqgħux ngħixu bl-ansjetà tal-mewt.  Infatti, jekk kollox jgħaddi, Kristu jibqa’.  Fih, fi Kristu, ġurnata waħda għad nerġgħu nsibu il-ħwejjeġ u l-persuni li għaddew u li kienu jakkumpanjawna meta kienu għadhom fid-dinja.  Fid-dawl ta’ dil-wegħda tal-qawmien kull realtà tikseb tifsir ġdid: kollox imut, aħna wkoll xi darba għad immutu, imma ma nitilfu xejn minn dak li nkunu bnejna u ħabbejna għax il-mewt tkun il-bidu, ta’ ħajja ġdida.

Ħuti, fit-tribulazzjonijiet ukoll, waqt il-kriżijiet, fil-fallimenti, l-Evanġelju jistedinna nħarsu lejn il-ħajja u lejn l-istorja mingħajr biża li se nitilfu dak li jispiċċa, imma biex inħarsu bil-ferħ lejn dak li ma jintemmx.  Ma ninsewx li Alla jħejji għalina futur ta’ ħajja u hena.

Allura nsaqsu lilna nfusna: aħna qalbna marbuta mal-ħwejjeġ tal-art, li jgħaddu, li jtiru mar-riħ, jew ma’ kliem il-Mulej li jibqa’ u jmexxina lejn l-eternità?  Nagħmlu din il-mistoqsija, jekk jogħġobkom.  Tgħinna ħafna.

U nitolbu lill-Verġni Mqaddsa, li tat lilha nfisha għal kollox lill-Kelma t’Alla, biex tinterċedi għalina.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ fi Scutari ġew beatifikati żewġ martri: Luigi Palić, saċerdot tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri, u Gjon Gazulli, saċerdot djoċesan, vittmi tal-persekuzzjoni relliġjuża tas-seklu XX.  U llum fi Friburgu fil-Brisgovia kien beatifikat martri ieħor, is-saċerdot Max Josef Metzger, fundatur tal-Istitut Sekulari ta’ Kristu Re, li n-nażiżmu ħadha qatta’ bla ħabel miegħu minħabba l-impenn reliġjuż tiegħu favur il-paċi.  Jalla l-eżempju ta’ dawn il-martri jkun faraġ għall-bosta nsara li fi żmienna jisfaw diskriminati minħabba l-fidi.  Applaws lill-Beati l-ġodda!

Illum qed niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Foqra bit-tema “It-talba tal-fqir minn fommu għal widnejn Alla” (Bin Sirak 21,5).  Irrodd ħajr lil kulmin, fid-djoċesijiet u fil-parroċċi, nieda inizjattivi ta’ solidarjetà ma’ min l-aktar fil-bżonn.  U f’dal-jum niftakru wkoll fil-vittmi tat-traffiku: nitolbu għalihom, għall-familjari tagħhom u nimpenjaw ruħna biex nevitaw l-inċidenti.

Nagħmel mistoqsija u kulħadd jista’ jagħmilha lilu nnifsu: jien niċċaħħad minn xi ħaġa biex intiha lill-foqra?  Meta nagħti l-elemożina mmiss id il-fqir, inħares f’għajnejh?  Ħuti, ma ninsewx li l-foqra ma jistgħux joqgħodu jistennew!

Ningħaqad mal-Knisja tal-Italja li għada qed torganizza Jum ta’ Talb għall-vittmi u għal dawk li jeħilsuha mill-abbużi.  Kull abbuz hu tradiment tal-fiduċja, hu tradiment tal-ħajja!  It-talb hu indispensabbli biex “ninsġu mill-ġdid il-fiduċja”.  Nixtieq infakkar ukoll lis-sajjieda kollha fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tas-Sajd, li jaħbat nhar il-Ħamis li ġej: Marija, Kewkba tal-Baħar, tipproteġi lis-sajjieda u lill-familji tagħhom.

U nsellem b’għożża lilkom ilkoll, rumani u pellegrini.  Partikolarment lill-fidili ġejjin minn Ponte Delgada u minn Zagreb; lill-Escolanía tal-Monasteru ta’ San Lawrenz minn El Escorial u lill-komunità ekwadorjana ta’ Ruma, li qed tiċċelebra l-Verġni ta’ Quinche.  Insellem lill-gruppi minn Chioggia u Caorle; lill-grupp tat-tifi tan-nar minn Romeno (Trento) u lill-kor parrokkjali minn Nesso (Como).

Ħuti, nitolbu għall-paċi: fl-Ukrajna martri, fil-Palestina, f’Iżrael, fil-Libanu, fil-Myanmar, fis-Sudan.  Il-gwerra tagħmilna diżumani, iġġagħlna naċċettaw krimini inaċċettabbli.  Il-gvernijiet għandhom jisimgħu l-għajta tal-popli mxennqin għall-paċi.

Tislima lill-membri tal-Immacolata.  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Maqlub għall-Malti minn Joe Huber