Nawgura l‑Milied it‑tajjeb lil kull min qiegħed isegwini u jismagħni. Din is‑sena ddeċidejt li l‑messaġġ tal‑Milied ngħaddih minn dan il‑post għażiż, minn Hospice Malta; tradizzjonalment nafuh ukoll bħala l‑Istitut Cini. X’kien ifisser għall‑Maltin u l‑Għawdxin dan l‑ambjent?

L‑Istitut Cini beda proprju bħala fabbrika li kienet tipproduċi l‑ikel. Il‑familja Cini, hawnhekk kellha l‑fabbrika tal‑għaġin. Adelaide Cini, fis‑seklu 19, użat il‑fabbrika tal‑familja tagħha biex tilqa’ tfajliet li kellhom bżonn il‑protezzjoni u d‑dinjità. Fl‑imgħoddi, dan il‑post ukoll ra t‑twelid ta’ diversi ġenerazzjonijiet. Hawnhekk, bdiet il‑ħajja għal tant nies.

Illum qegħdin niċċelebraw il‑fatt li Hospice Malta, li twassal lil diversi minn ħutna għall‑ħajja li ma tispiċċa qatt, qiegħda topera minn hawnhekk. 

Tgħiduli, għaliex għażilt dan il‑post, proprju fil‑jum tal‑Milied? Il‑Milied mhux biss jiċċelebra t‑twelid imma jiċċelebra l‑ħajja li ma tispiċċa qatt. Jiena nawgura li dan il‑Milied ngħożżuh bħala tarġa oħra u mument ieħor fil‑mixja tagħna lejn ħajja sabiħa, ħajja li ngħixuha b’impenn waqt li għadna fid‑dinja; imma li nitħejjew minn issa għall‑ħajja ta’ dejjem.

Wara kollox, it‑tarbija li qiegħda titwieled f’dan il‑lejl qaddis, u li qegħdin niċċelebraw f’dawn il‑jiem għeżież, hija tarbija li m’għandhiex is‑saltna ta’ din id‑dinja, imma toffrilna l‑ħajja ta’ dejjem. Il‑ħajja ta’ dejjem tibda minn hawn, bl‑istedina li “aħna ngħixu bla tebgħa fl‑imħabba” (Ef 1:4). L‑istedina tat‑tarbija ta’ Betlehem, ta’ Ġesù ta’ Nazaret, hija li aħna ngħixu l‑ħajja tagħna fil‑milja kollha tagħha.

Dan il‑Milied, wara li ċċelebrajna bħala familja l‑50 anniversarju ta’ Malta Repubblika, nixtieq insostni u ntenni l‑appell tiegħi sabiex aħna l‑Maltin u l‑Għawdxin nitbierku bit‑twelid tal‑ulied. Nieħdu ħsieb li nagħmlu esperjenza ta’ tama għaż‑żgħażagħ tagħna; nibnu kultura ta’ tama għall‑futur u għall‑ġenerazzjonijiet li ġejjin biex fihom ikollna l‑barka tal‑ulied.

Illum, waqt li qegħdin niċċelebraw il‑barka tat‑twelid ta’ tarbija, ejjew nibqgħu napprezzaw il‑valur li ġġib tarbija lis‑soċjetà. M’għandniex għalfejn nibqgħu biss nitbikkmu, jew inkella nsewdu qalbna, għaliex għandna l‑primat fl‑Ewropa tal‑inqas twelid fil‑popolazzjoni tagħna. Hemm bżonn li nieħdu passi konkreti, kulħadd skont ir‑responsabbiltà tiegħu, biex noħolqu l‑ambjent favorevoli biex il‑koppji żgħażagħ jimtlew bit‑tama, jibnu l‑bejta tal‑imħabba tagħhom, u din timtela bil‑barka tal‑ulied.

Tgħiduli, hawn min din il‑barka ma jistax jgħixha. Jiena nsellem lil dawk il‑koppji li jagħżlu l‑adozzjoni u l‑fostering; imma wkoll nixtieq nirrikonoxxi dak kollu li tagħmel is‑soċjetà biex noħolqu ambjenti u ċirkustanzi fejn min jixtieq li jkollu l‑ulied, ikollu l‑faċilitazzjoni, imma wkoll it‑tama li jitwieldu l‑ulied ġodda għal din il‑pajjiż.

Illum qiegħed ukoll f’post, f’St Michael Hospice, fejn il‑persuni jifhmu li t‑tama mhix biss f’din id‑dinja, imma għandha destin aħħari u dejjiemi. Ejjew nitolbu biex is‑soċjetà tagħna tħaddan kultura ta’ ħajja mit‑tnissil sal‑aħħar mument tal‑ħajja naturali tal‑bnedmin. Nitolbu wkoll li l‑kura paljattiva, tkun ukoll sinjal ta’ tama ta’ soċjetà li taf tapprezza l‑ħajja sal‑aħħar mument naturali tagħha.

Qegħdin fl‑għatba tal‑Ġublew tat‑Tama. Il‑Papa Franġisku xtaq li l‑2025 tkun immarkata bit‑tama. Meta aħna l‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex iltqajna mal‑Papa Franġisku, fis‑17 ta’ Mejju 2024, staqsejnieh x’kienet ix‑xewqa tiegħu għall‑2025, għall‑Ġublew tat‑Tama. Qalilna bit‑Taljan: “Una grande festa di misericordia” (festa kbira ta’ ħniena). U jiena ngħid li l‑ħniena trid tkun l‑ewwel nett miegħek innifsek, ma’ ħutek, u anke li tilqa’ l‑ħniena li Alla verament ħerqan jurik.

Jalla din is‑sena li dalwaqt nibdew, tkun sena oħra ta’ solidarjetà, ta’ ħniena magħna nfusna u ta’ ħniena bejnietna. Jalla l‑esperjenza ta’ dan il‑Milied ma tkunx biss esperjenza sabiħa ta’ ftit jiem imma wkoll tagħti togħma tajba lil ħajjitna u lil dak kollu li nagħmlu bejnietna.

Nixtieq ukoll insellem lill‑emigranti Maltin. Nirringrazzjahom tax‑xhieda li jagħtu u tal‑valuri sbieħ Maltin li tant nixtieq li jibqgħu ħajjin billi nieħdu ħsieb ġensna. Nagħtu futur lil ġensna anke bil‑barka tal‑ulied.

Nawguralkom mill‑qalb, il‑Milied it‑tajjeb, u sena mimlija risq u barka.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Il-messaġġ tal-Arċisqof bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija