Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fil-mixja Ġubilari tagħna ta’ katekeżijiet dwar Ġesù, li hu t-tama tagħna, illum nieqfu fuq il-ġrajja tat-twelid tiegħu f’Betlehem.
L-Iben ta’ Alla jidħol fl-istorja billi jsir sieħeb tagħna fil-vjaġġ u jibda jivvjaġġa meta għadu fil-ġuf ta’ ommu. L-evanġelista Luqa jirrakkontalna li malli tnissel, mar Nazaret fid-dar ta’ Żakkarija u Eliżabetta; u mbagħad, meta t-tqala kienet kważi lesta, minn Nazaret għal Betlehem għaċ-ċensiment. Marija u Ġużeppi kellhom imorru fil-belt tas-sultan David, fejn kien twieled ukoll Ġużeppi. Il-Messija tant mistenni, l-Iben ta’ Alla l-aktar għoli, hu wkoll irid jinkiteb, jiġifieri jiġi magħdud u rreġistrat, bħal kull ċittadin ieħor. Joqgħod għad-digriet ta’ imperatur, Ċesari Awgustu, li jaħseb li hu s-sid tal-art kollha.
Luqa jqiegħed it-twelid ta’ Ġesù “fi żmien eżattament databbli” u f’“ambjent ġeografikament eżattament indikat”, hekk li “l-universali u l-konkret imissu lil xulxin” (Benedittu XVI, L’infanzia di Gesù, 2012, 77). Alla li jidħol fl-istorja ma jaqlax minn għeruqhom l-istrutturi tad-dinja, imma jrid idawwalhom u jerġa’ joħloqhom minn ġewwa.
Betlehem tfisser “dar il-ħobż”. Hemmhekk Marija jaqgħlqilha ż-żmien biex teħles u hemm jitwieled Ġesù, ħobż li niżel mis-Sema biex jaqta’ l-ġuħ tad-dinja (ara Ġw 6:51). L-anġlu Gabrijel kien ħabbar it-twelid tas-Sultan messjaniku bi kliem grandjuż: “Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu” (Lq 1:32-33).
Madankollu, Ġesù jitwieled f’dinja għalkollox ġdida għal sultan. Fil-fatt, “meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Lq 2:6-7). L-Iben ta’ Alla ma jitwelidx f’palazz irjali, imma fuq wara ta’ dar, fil-post fejn joqogħdu l-annimali.
Luqa hekk jurina li Alla ma jiġix fid-dinja bi proklamazzjonijiet pompużi, ma jagħmilx għagħa biex juri min hu, imma jibda l-vjaġġ tiegħu fl-umiltà. U min huma l-ewwel xhieda ta’ din il-ġrajja? Huma xi ragħajja: irġiel ta’ ftit kultura, jintnu minħabba l-kuntatt kontinwu tagħhom mal-annimali, jgħixu fit-trufijiet tas-soċjetà. Imma huma jipprattikaw il-mestier li bih Alla nnifsu juri min hu lill-poplu tiegħu (ara Ġen 48:15; 49:24; Salm 23:1; 80:2; Iż 40:11). Alla jagħżilhom bħala destinatarji tal-isbaħ bxara li qatt dwiet fl-istorja: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:10-12).
Il-post fejn irridu mmorru biex niltaqgħu mal-Messija hu maxtura. Fil-fatt jiġri li, wara tant stennija, “għas-Salvatur tad-Dinja, għal Dak li fih kien maħluq kollox (ara Kol 1:16), ma hemmx post” (Benedittu XVI, L’infanzia di Gesù, 2012, 80). Hekk ir-ragħajja jifhmu li f’post l-aktar fqajjar, riservat għall-annimali, jitwieled il-Messija tant mistenni u jitwieled għalihom, biex ikun il-Feddej tagħhom, ir-Ragħaj tagħhom. Aħbar li tiftaħ il-qlub tagħhom għall-istagħġib, għat-tifħir u għat-tħabbira hienja. “B’differenza minn tant nies ħsiebha biex tagħmel elf ħaġa oħra, ir-ragħajja jsiru l-ewwel xhieda tal-essenzjal, jiġifieri tas-salvazzjoni li tingħata bħala don. Huma l-persuni l-iktar umli u l-iktar foqra li jafu kif għandhom jilqgħu l-ġrajja tal-Inkarnazzjoni” (Ittra appostolika Admirabile signum, 5).
Ħuti, nitolbu aħna wkoll il-grazzja li nkunu, bħar-ragħajja, kapaċi nistagħġbu u nfaħħru lil Alla, u kapaċi nħarsu dak li hu fdalna: it-talenti, il-kariżmi, il-vokazzjoni tagħna u l-persuni li jqegħdilna qrib tagħna. Nitolbu lill-Mulej li qalb id-dgħufija nagħrfu l-qawwa straordinarja ta’ Alla Tarbija, li jiġi biex iġedded id-dinja u jibdel il-ħajja tagħna bil-pjan tiegħu mimli tama għall-umanità kollha.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard