L-omelija tal-Papa Franġisku
Il-messaġġ tal-Qari li għadna kemm smajna nistgħu niġbruh f’kelma waħda: gratwità. Terminu li bla dubju ta’ xejn hu għażiż għalikom id-Djakni, hawn miġbura għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew. Mela nirriflettu fuq din id-dimensjoni fundamentali tal-ħajja Nisranija u tal-ministeru tagħkom, b’mod partikulari taħt tliet aspetti: il-maħfra, is-servizz diżinteressat u l-komunjoni.
L-ewwel: il-maħfra. It-tħabbira tal-maħfra hi ħidma essenzjali tad-djaknu. Fil-fatt hi element indispensabbli għal kull mixja ekkleżjali u kundizzjoni għal kull konvivenza umana. Ġesù jurina l-esiġenza u l-importanza ta’ dan meta jgħid: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom” (Lq 6:27). U huwa proprju hekk: biex nikbru flimkien, u naqsmu ma’ xulxin dwal u dellijiet, suċċessi u fallimenti ta’ xulxin, hemm bżonn inkunu nafu naħfru u nitolbu maħfra, nerġgħu noħolqu relazzjonijiet u ma neskludu minn imħabbitna lanqas lil min iweġġagħna u jittradina. Dinja fejn għall-avversarji hemm biss mibegħda hi dinja bla tama, bla futur, iddestinata li tiċċarrat mill-gwerer, il-firdiet u l-vendetti bla tmiem, bħalma b’xorti ħażina naraw anki llum, fuq diversi livelli u f’diversi partijiet tad-dinja. Allura, li naħfru jfisser li nħejju għall-futur dar li tilqa’, fiż-żgur, fina u fil-komunitajiet tagħna. U d-djaknu, mogħni qabel kulħadd b’ministeru li jwasslu fil-periferiji tad-dinja, iħabrek biex jara – u biex jgħallem lill-oħrajn jaraw – f’kulħadd, anki f’min jiżbalja u jġiegħel lil min ibati, oħtu u ħuh midruba fir-ruħ, u għalhekk fil-bżonn iktar minn ħaddieħor ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ gwida u ta’ għajnuna.
Dwar dan il-ftuħ tal-qalb ikellimna l-Ewwel Qari, meta jippreżentalna l-imħabba leali u ġeneruża ta’ David lejn Sawl, is-sultan tiegħu, imma anki l-persekutur tiegħu (ara 1 Sam 26:2,7-9,12-13,22-23). Tkellimna wkoll dwar hekk, f’kuntest ieħor, il-mewt eżemplari tad-djaknu Stiefnu, li waqt li jaqa’ taħt id-daqqiet tal-ġebel, jaħfer lil dawk li qed iħaġġruh (ara Atti 7:60). Imma fuq kollox dan narawh f’Ġesù, xempju ta’ kull djakonija, li fuq is-salib, waqt li “jitbattal” minnu nnifsu biex jagħti ħajtu għalina (ara Fil 2:7), jitlob għal dawk li jsallbuh u lill-ħalliel it-tajjeb jiftaħlu l-bibien tal-Ġenna (ara Lq 23:34,43).
U niġu għat-tieni punt: is-servizz diżinteressat. Il-Mulej, fil-Vanġelu, dan ifissru bi frażi tant sempliċi u ċara fl-istess ħin: “Agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura” (Lq 6:35). Ftit kelmiet li jġorru fihom il-fwieħa tajba tal-ħbiberija. Qabelxejn dik ta’ Alla għalina, imma mbagħad ukoll tagħna. Għad-djaknu, dan l-atteġġjament mhuwiex aspett sekondarju tal-għemil tiegħu, imma dimensjoni sostanzjali ta’ dak li hu. Fil-fatt hu jikkonsagra ruħu biex isir, fil-ministeru, “skultur” u “pittur” tal-wiċċ ħanin tal-Missier, xhud tal-misteru ta’ Alla-Trinità.
F’ħafna siltiet tal-Vanġelu, Ġesù jitkellem fuqu nnifsu f’dan id-dawl. Hekk jagħmel ma’ Filippu, fiċ-Ċenaklu, ftit wara li jaħsel ir-riġlejn tat-Tnax, meta jgħidlu: “Min ra lili, ra lill-Missier” (Ġw 14:9). U l-istess meta jwaqqaf l-Ewkaristija, xħin jistqarr: “Jien qiegħed fostkom nagħmilha ta’ qaddej” (Lq 22:27). Imma diġà sa minn qabel, fit-triq ta’ Ġerusalemm, meta d-dixxipli tiegħu kienu qed jiddiskutu bejniethom min kien l-ikbar, kien fissrilhom li “Bin il-bniedem […] ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (ara Mk 10:45).
Ħuti Djakni, mela l-ħidma b’xejn li intom tagħmlu, bħala espressjoni tal-konsagrazzjoni tagħkom għall-imħabba ta’ Kristu, hija għalikom l-ewwel tħabbira tal-Kelma, għajn ta’ fiduċja u ta’ ferħ għal min jiltaqa’ magħkom. Imxu miegħu kemm tistgħu bi tbissima, bla ma tgergru u bla ma tfittxu rikonoxximenti, waqt li twieżnu lil xulxin, anki fir-relazzjonijiet mal-Isqfijiet u l-presbiteri, “bħala espressjoni ta’ Knisja li tħabrek biex tikber fil-qadi tas-Saltna billi tivvalorizza l-gradi kollha tal-ministeru ordnat” (CEI, Id-Djakni permanenti fil-Knisja fl-Italja. Orjentamenti u normi, 1993, 55). L-għemil tagħkom f’għaqda waħda u ġeneruż hekk isir pont li jorbot l-Altar mat-triq, l-Ewkaristija mal-ħajja ta’ kuljum tal-persuni; il-karità tkun l-isbaħ liturġija tagħkom u l-liturġija l-aktar servizz umli tagħkom.
U niġu għall-aħħar punt: il-gratwità bħala għajn ta’ komunjoni. Li nagħtu bla ma nitolbu xejn lura, dan jgħaqqadna, joħloq rabtiet, għax jesprimi u jseddaq l-għajxien tagħna flimkien li ma għandux fini ieħor għajr id-don tagħna nfusna u l-ġid tal-persuni. San Lawrenz, il-Patrun tagħkom, meta ġie mitlub minn dawk li akkużawh biex jagħti t-teżori tal-Knisja, uriehom il-foqra u qal: “Dawn huma t-teżori tagħna!”. U hekk tinbena l-komunjoni: billi ngħidu lil ħuna jew lil oħtna, bil-kliem, imma fuq kollox bil-fatti, personalment u bħala komunità: “għalina int importanti”, “inħobbuk”, “irriduk parti mill-mixja tagħna u mill-ħajja tagħna”. Dan hu li tagħmlu intom: irġiel miżżewġa, missirijiet u nanniet lesti, fil-qadi, li twessgħu l-familji tagħkom għal min hu fil-bżonn, hemm fejn intom tgħixu.
Hekk il-missjoni tagħkom, li taqbadkom minn qalb is-soċjetà biex mill-ġdid tixħitkom fiha ħa tagħmluha dejjem iżjed akkoljenti u miftuħa għal kulħadd, hi waħda mill-isbaħ espressjonijiet ta’ Knisja sinodali u “li toħroġ”.
Minn hawn u ftit tal-ħin ieħor xi wħud minnkom, huma u jirċievu s-sagrament tal-Ordni, se “jinżlu” t-tarġiet tal-ministeru. Apposta qed ngħid u nagħfas fuq il-kelma “jinżlu”, u mhux li ħa “jitilgħu”, għax bl-Ordinazzjoni ma titlax, imma tinżel, tiċċekken, titbaxxa u titneżża’. Biex ninqeda bil-kelmiet ta’ San Pawl, twarrab, fil-qadi, “il-bniedem tal-art”, u tilbes, fl-imħabba, il-“bniedem tas-sema” (ara 1 Kor 15:45-49).
Nimmeditaw ilkoll fuq dak li se nagħmlu, waqt li nafdaw fil-Verġni Marija, qaddejja tal-Mulej, u f’San Lawrenz, il-Patrun tagħkom. Ħa jgħinuna huma ngħixu ta’ kuljum il-ministeru tagħna b’qalb umli u mimlija mħabba u biex inkunu, fil-gratwità, appostli tal-maħfra, qaddejja diżinteressati ta’ ħutna u bennejja tal-komunjoni.
Sors: laikos.org