Il-Papa Benedittu XVI qal li “t-tiftix għall-Għaqda Nisranija ma kien proċess faċli xejn, pero diġa attirat ħafna Insara qrib xulxin”. Dan minbarra li għamel il-Kristjaneżmu aktar attraenti għal min ma jemminx. L-ispirtu ta’ fraternita fost l-Insara “hi l-iktar sinjal tanġibbli ta’ għaqda, speċjalment għal dawk ‘il barra mill-komunita Nisranija.
Fl-udjenza ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa, il-Papa din il-ġimgħa, waqt l-attivita ta’ Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda Nisranija, iddedika d-diskors tiegħu għall-ispjega tat-tema magħżula mill-Vatikan u mill-Kunsill Dinji tal-Knejjes għall-attivita 2011. It-tema titratta l-għaqda mat-tagħlim tal-Appostli u l-għaqda fil-qsim tal-ħobż u t-talb. It-tema, misluta mill-Atti tal-Appostli, tiġbor erba’ karatteristiċi li għamlu l-komunita Nisranija bikrija f’Ġerusalemm “lok ta’ mħabba u għaqda”.
L-ewwel karatteristika essenzjali, qal li hi, li l-Insara jibqgħu fidili lejn il-Vanġelu u t-tagħlim tal-Appostli, il-bażi tal-fidi Nisranija. It-tieni qal li hi s-sens ta’ għaqda u fraternita, l-qsim tal-esperjenzi ta’ kull persuna. “L-istorja tal-moviment ekumeniku hi mmarkata b’diffikultajiet u inċertezzi, pero hi wkoll storja li tikxef il-koperazzjoni, u s-sens ta’ qsim uman u spiritwali, li b’mod mill-iktar sinifikanti biddlu r-relazzjonijiet bejn dawk kollha li jemmnu fi Kristu. Ilkoll ninsabu kommessi li nibqgħu mexjin f’din id-direzzjoni”, temm jgħid il-Kap tal-Knisja Kattolika.