Il-Knisja Kattolika fi Spanja qed twissi lill-insara dwar il-popolarita dejjem tikber tal-mod deskritt bħala “pagan” u “mhux nisrani” li bih qed jiġi ċelebrat Halloween. Id-direttur tal-Kummissjoni Liturġika fi ħdan il-Konferenza Epsikopali Spanjola, Fr Joan Maria Canals, ikkritika lill-ġenituri li jeżerċitaw pressjoni fuq uliedhom biex jilbsu kostumi u jiċċelebraw Halloween, minflok ma jinkoraġġuhom ifakkru l-festa tal-Qaddisin kollha u jfakkru wkoll il-mejtin kollha fl-ewwel jumejn ta’ Novembru. “It-tfal jilbsu ta’ vampiri u fatati, jilbsu wkoll maskri ta’ kadavri u skeletri”, qal Fr Canals f’intervista li saritlu ma’ El Mundo, mezz tal-media fi Spanja.
Minflok, kompla, “il-ġenituri għandhom jinkoraġixxu il-parteċipazzjoni ta’ wliedhom fiċ-ċelebrazzjoni ta’ jiem marbuta mas-sinjali tal-mewt u l-ħajja f’kuntest ta’ qdusija. Il-paradoss hu li meta membru tal-familja, il-ġenituri jżommu lil uliedhom ‘il bogħod milli jaraw il-ġisem bla ħajja tal-membru tal-familja mejjet”.
Id-direttur tal-Kummissjoni Liturġika fi ħdan il-Konferenza Episkopali Spanjola, għadda biex jagħmel aċċenn fuq l-importanza li f’dawn il-jiem isiru żjarat “fuq il-post fejn huma midfuna l-għeżież tagħna, fejn wieħed ikollu ċans jitlob għal ruħhom u jitlob ukoll għall-familji tagħhom li sofrew u għadhom qed isofru minn din is-seperazzjoni”.
Fr Canals temm jisħaq fuq il-valur pedagoġiku li “it-tfal jeħtieġu jiskopru iktar il-valur tal-ħajja u l-qdusija, minflok imħeġġa jinteressaw ruħhom fejn tidħol il-mewt”. Huwa temm jiddikjara li “Halloween mhix ċelebrazzjoni innoċenti għax hi bbażata fuq l-okkult u l-propoganda anti-nisranija”.