L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

“Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek.” Hi din it-talba li tiġi waħedha f’moħħna u f’qalbna f’Jum it-Tifkira – tifkira li bdiet mitt sena ilu fis-sena ta’ wara tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija, u li hi intenzjonata biex tfakkar lill-vittmi. Qed nagħmlu din it-tifkira sewwasew l-għada li ċċelebrajna t-tletin sena mill-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin – ġrajja importanti li biddlet l-istorja tal-umanità.

Illum niftakru f’dawk li sfaw vittmi tul l-Ewwel Gwerra kif ukoll fit-Tieni Gwerra Dinjija u gwerer oħra. Niftakru f’dawk li ddefendew lil pajjiżhom b’sens kbir ta’ solidarjetà, kuraġġ u sagrifiċċju, u nuru l-apprezzament kbir tagħna għal dan. Niftakru wkoll fil-familji tagħhom li ġarrew u dejjem jibqgħu jġorru l-ferita tat-telfa li ġarrbu.

Hi dejjem ġrajja ta’ niket meta tiftakar kemm persuni tilfu ħajjithom fil-gwerer.

Ma nitilfux il-memorja

L-ewwel messaġġ li nixtieq inwassal hu biex qatt ma nitilfu l-memorja ta’ ġrajjiet bħal dawn. Kif jispjega tajjeb Papa Franġisku: “Il-memorja hi dak li jsaħħaħ poplu, għax iħossu b’għeruqu f’mixja, b’għeruqu fi storja… Il-memorja turina li m’aħniex waħidna, aħna poplu: poplu li għandu storja, li għandu passat, li għandu l-ħajja” (Omelija fit-Tifkira tal-Mejtin Kollha, 2 ta’ Novembru 2018).

Niftakru fl-imgħoddi mhux biex nieqfu hemm, jew biex b’xi mod nimtlew b’mibegħda kontra min ħoloq tant ħsara, imma biex nitgħallmu minn dawn l-esperjenzi traġiċi. Għax jekk ninsew, mhux biss ikun ta’ għajb għalina li ma nibqgħux grati lejn dawk li ġew qabilna u għaddew minn tant sofferenza, imma hemm dejjem ir-riskju li f’xi waqt jew ieħor nerġgħu nirrepetu l-iżbalji tal-imgħoddi.

L-għożża tal-ħajja

Hi dejjem ġrajja ta’ niket meta tiftakar kemm persuni tilfu ħajjithom fil-gwerer. Għalina li ngħożżu l-ħajja umana f’kull fażi tagħha, hi memorja ta’ qsim il-qalb. Kemm familji ċċarrtu minħabba t-telfa ta’ xi ħadd għażiż għalihom fil-gwerra!

It-tieni messaġġ ta’ Jum it-Tifkira hu biex ngħożżu dejjem il-ħajja – mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha u f’kull waqt tagħha, u hi ta’ min hi l-ħajja. Jekk aħna jkollna din is-sensibilità lejn il-ħajja, dan ikun jidher fil-mod kif nitkellmu fuq bnedmin tad-demm u l-laħam u fuq kif nittrattawhom. Kull persuna hi għażiża, ukoll jekk ma tkunx tal-istess pajjiż tagħna, jew razza tagħna, jew reliġjon tagħna, jew lewn tagħna, jew b’xi mod hi differenti minna. L-għożża tal-ħajja hi għal kull ħajja umana.

Jekk nixtiequ tassew li ngawdu l-paċi, jeħtieġ li jkollna fehma sħiħa li nirrispettaw id-dinjità tal-bnedmin l-oħra kollha bħala ħutna u naħdmu għall-ġid komuni.

M’hemm ebda ħajja umana ta’ min jiddisprezzaha. Id-disprezz tagħna għandu jmur lejn dak il-kliem li b’xi mod inissel antagoniżmu jew jiżra’ ż-żerriegħa tal-mibegħda, dak il-kliem li ma jirrispettax kull ħajja umana.

Illum intenni b’qawwa l-messaġġ tal-Knisja f’Malta, li turih bl-azzjoni u bil-fatti u b’mod konsistenti, favur l-għożża ta’ kull ħajja umana, għax ilkoll maħluqin xbieha ta’ Alla. U nistieden lilkom hawn preżenti biex bi kliemkom u b’għemilkom ma tibżgħux tkunu favur il-ħajja; ulied uliedkom dan jippretendu mingħandkom biex bħalkom igawdu l-ħajja.

Paċi mibnija fuq il-ġustizzja, l-onestà u l-verità

It-tielet messaġġ hu marbut mal-impenn tagħna għall-paċi. Kull gwerra ġġib mewt u tbatija. Il-ġrajja tal-lum tfakkarna fir-responsabbiltà tagħna lkoll li nagħrfu nagħmlu għażliet ta’ paċi.

Infakkar kliem il-Konċilju Vatikan II: “Il-paċi mhix sempliċiment nuqqas ta’ gwerra, u lanqas għandha titqies biss bħala ħidma biex ikun stabbilit ekwilibriju tal-forzi li huma kontra xulxin, u lanqas hi ġejja minn dominazzjoni despotika, imma tissejjaħ bir-raġun u bl-eżatezza ‘xogħol is-sewwa’ (Is. 32,17) (Gaudium et Spes, n. 78).” Jekk nixtiequ tassew li ngawdu l-paċi, jeħtieġ li jkollna fehma sħiħa li nirrispettaw id-dinjità tal-bnedmin l-oħra kollha bħala ħutna u naħdmu għall-ġid komuni.

L-istorja turina li l-paċi trid tinbena fuq il-ġustizzja, l-onestà u l-verità, inkella dak li jsir ma jkunx tassew ħidma għall-paċi imma biss paraventu li jgħatti l-ħażin, il-prattiċi korrotti, u jipprova jinnewtralizza lil min il-ħażin isejjaħlu b’ismu.

Paċi li tibda mill-qalb

Il-paċi hi wkoll frott tal-imħabba. Trid tiġi minn qalb li hi serena. Ħarsu ftit lejn is-social media, li tant għandha importanza llum u li toffri spazju fejn wieħed ixerred esperjenzi sbieħ tal-ħajja, imma kultant hi l-post fejn min għandu l-mibegħda f’qalbu, b’għajb għalih innifsu, isib l-opportunità li jaqsamha ma’ ħaddieħor u jxerridha mal-erbat irjieħ tad-dinja.

Illum nistedinkom biex aħna nitolbu ħalli nkunu strumenti ta’ paċi kull fejn inkunu. Il-ġlied, il-kunflitti, il-gwerer, il-ħitan li jifirduna jibdew mill-qalb, u biex inwaqqgħu l-ħitan ta’ madwarna jeħtieġ inkunu kuraġġjużi. Jekk il-qalb tkun fil-paċi, jekk il-qalb tkun mimlija mħabba u tgħożż id-dinjità u l-ħajja tal-oħrajn, tgħinna biex nibnu pontijiet u mhux ħitan bejn xulxin.

F’Jum it-Tifkira, filwaqt li niftakru b’għożża f’dawk li tilfu ħajjithom u fil-messaġġ li jagħtuna għal ħajjitna llum, ejjew kull wieħed u waħda niżirgħu dejjem iż-żerriegħa tal-paċi filwaqt li nagħmlu talba sinċiera lil Alla: “Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek”.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti