• Is‑Sibt 9 ta’ Lulju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa mas‑saċerdoti novelli, fis‑Santwarju tal‑Madonna tal‑Mellieħa.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa
    9 ta’ Lulju 2016
    L-ewwel mument li nixtieq noffri bħala riflessjoni li tingħata minn din is-silta tal-Evanġelju hija l-fatt li Ġesù jagħmel din il-konsenja, l-ewwel nett bħala Iben, Iben ta’ Alla li jaf, għalkemm qiegħed f’baħar ta’ agunija, li l-mewt tiegħu se ċċaħħad lil Ommu, hu li kien l-uniku tifel, minn kwalunkwe sapport li seta’ kellha ’l quddiem.
    Nimmaġina li l-ħsieb tiegħu mar għal tliet snin qabel, meta ddeċieda li jitlaq minn Nazaret fejn kien jaħdem bħala mastrudaxxa u kien magħruf bħala ‘iben il-mastrudaxxa’ u jagħżel li jgħix Kafarnahum. Ftit hemm kwadri  fl-ikonografija Marjana ta’ dan il-mument. Il-ftit kwadri li hemm ħafna minnhom huma ta’ l-iskola Ġermaniża u Awstrijaka, qed jippruvaw jikkumentaw xi ħaġa li fl-Evanġelju m’għandniex. Ġesù jħalli d-dar ta’ Nazaret u jħalli lil Marija armla mingħajr mezz ta’ għixien. Għalhekk, fl-Evanġelju mbagħad jibdew jissemmew b’insistenza l-aħwa tiegħu, l-extended family, għaliex bħala armla t-tifel li telaq għall-għonq it-triq għax għandu missjoni urġenti u adotta belt oħra, l-għadira kbira ta’ Tiberija, din l-armla kellha bżonn min jieħu ħsiebha. U ma tridtx ħafna għerf biex tirrealizza li qed jieħdu ħsiebha l-qraba.
    Napprezzaw allura s-soft spot li kellu Ġesù għar-romol, il-fatt li meta kien fil-belt ta’ Najm  (ara Lq 7, 11-17) jiltaqa’ mal-funeral tal-iben tal-armla, l-uniku wieħed li kellha, u li jerġa jagħtihula ħaj, dik is-soft spot ta’ mara li kienet fl-istess sitwazzjoni ta’ Ommu. U anke l-kumment sabiħ tiegħu fuq dik l-armla li fit-teżor tat-tempju tefgħet l-uniku ftit muniti, Ġesù stess jgħid: “kull ma kellha biex tgħix” (Lq 21, 4). Hekk kienet għalih prezzjuża dik l-offerta ta’ dik l-armla li żgur fakkritu fil-mama’ tiegħu li f’dawn il-mumenti, fi żmien il-ministeru pubbliku tiegħu kienet armla.
    Nafu żgur li kienet armla anke minn din id-deċiżjoni tiegħu li qabel imut, jafdaha lill-ħabib l-iżjed afdat tiegħu. Lil Ġwanni ma ħallilux wirt, tah lil Ommu u ma’ Ommu tah kull ma seta jagħtiha. “Mara, hekku ibnek” (Ġw 19, 26). Mela, ‘jiena se nieħu ħsiebek’, dan ir-raġel li qiegħed taħt is-salib miegħek flimkien ma’ Marija Maddalena u l-oħrajn, se jkun hu – għaliex hu kien l-uniku raġel li jissemma wara kollox wara s-suldati u l-Fariżej – ir-rappreżentant tal-appostli li qal: ‘imma hi għandha lil xi ħadd li jieħu ħsiebha’. “Hemm hi ommok” (v. 27), ma qallux ‘dina ommi, ħu ħsiebha’ imma jafda omm Ġwanni li kellu l-omm naturali tiegħu, imma omm Ġwanni, għax dan it-tifel ta’ Żebedew, kienet dik il-mara  li kienet dik li lil Ġesù qaltlu biex joqgħodu wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug (ara Mt 21, 21). Jiġifieri Ġwanni kellu ommu, kienet tieħu ħsiebu, imma issa se jkollu omm oħra, imma issa għandu omm fl-ordni tal-grazzja, omm spiritwali. U x’se tgħallmu? Se tgħallmu kif ikun bħal Ġesù. Għaliex hi hija l-ġuf li meta nidħlu fih nissawwru fil-forma ta’ Ġesù. Hija din ukoll waħda mill-immaġini li ma tantx tissemma ħafna, li juża’ wkoll San Luigi Grignion de Montfort fit-trattat tiegħu ‘il-Vera Devozzjoni lejn Marija’, li jitkellem fuq il-Madonna bħala dik il-ġuf li fiha nidħlu spiritwalment biex aħna niffurmaw ruħna f’Ġesù Kristu.
    Għeżież Presbiteri, intom li ġejtu ordnati sena ilu u intom li ġejtu ordnati fid-29 ta Ġunju li għadda hemm bżonn, jiena magħkom, jiena u sħabi niċċelebraw t-tletin sena sena mill-presbiterat. Aħna ilna snin presbiteri, hemm bżonn nidħlu fil-ġuf ta’ Marija biex hi, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, bil-qawwa tas-sagramenti tal-Knisja, bil-qawwa ta’ dak li niċċelebraw, tbiddilna fix-xbieha sabiħa ta’ Binha Ġesù.
    L-Ewwel Qari mill-quddiesa votiva tas-Sultana tal-Appostli mhux biss ifakkarna fil-maternità tagħha għax hija omm appostlu, omm appostlu taħt is-salib: “hemm hi ommok”, imma tfakkarna wkoll fil-maternità tagħha mal-appostli l-oħrajn. Maternità li teżerċitaha bit-talb u billi wkoll tattira fuqhom il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Bħalma l-anġlu Gabrijel qal lil Marija: “l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, il-qawwa tal-Għoli tgħattik” (Lq 1, 35), hekk ukoll fuq il-Knisja, fuq dawn id-dixxipli tal-Mulej, l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqhom f’forma ta’ nar. U forma wkoll ta’ riħ qawwi. Dawn il-fjammi tan-nar ifakkruna fil-wegħda tal-Ispirtu s-Santu u “hemm nar li jiena ġejt nitfa’ fid-dinja, jiena nar ġejt nitfa’ fid-dinja, u kemm nixtieq li diġa qabad”. 
    L-Ispirtu s-Santu huwa wkoll ir-riħ. Ġesù lil Nikodemu jgħidlu ma jafx minn fejn hu ġej u fejn sejjer. Jekk irridu nifhmu xi jrid jgħid il-Papa Franġisku meta jgħid li jixtieq Knisja inqas ċerta minnha nfisha imma iżjed konfuża, allura nifhmu li jridha fil-mument tal-Pentekostè. Dak ir-riħ qawwi li kull ma għandek ta’ sigurezza – aħna ngħidu: ‘riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa’ – tip ta’ riħ li ma jħallikx trankwill, dan in-nar kontinwament jaqbad u jħeġġeġ. Veru li nitolbu ’l Ispirtu s-Santu “fejn mħeġġa wisq, rażżanna” (Sekwenza f’Għid il-Ħamsin), imma fejn hemm il-bruda, kun int li tkebbes in-nar.
    Kemm hi ħaġa sabiħa li meta tlaqqa’ dawn iż-żewġ siltiet mit-Testment il-Ġdid, issib li l-Madonna kellha din ix-xorti li ssir omm ta’ l-uniku wieħed li baqa’ taħt is-salib, imma mbagħad f’Pentekoste tkun omm tal-kumplament. Meta tgħaqqad dawn iż-żewġ Evanġelji hemm il-Kulleġġ Appostoliku barra mit-traditur. Infatti f’dan il-mument għadu ma ntagħżilx Mattija imma hemm dak il-lakuna li hemm bżonn timtela. 
  • M’ilux il-Papa tkellem fuq Ġuda l-Iskarjota u qal: ‘dan huwa misteru kbir’. Kien qed jikkumenta dwar kapitell li hemm fil-Katidral ta’ Saint-Lazare d’Autun fit-triq lejn Vezelay, li kien il-post minn fejn il-pellegrini Ewropej kienu jiltaqgħu biex jibdew il-‘Camino’ li jwassalhom għal Santiago de Compostela.  Din il-knisja sabiħa għandha affreski straordinarjament sbieħ, imma għandha wkoll arkitettura Romana ta’ kapitelli b’xeni mill-Bibbja. F’waħda minnhom hemm Ġuda mgħallaq, b’ilsienu barra, evidenti ħafna. Imma mal-istess kapitelli hemm xi ħadd iġorru mejjet bl-istess qagħda tar-Ragħaj it-tajjeb li jġorr in-nagħġa il-mitlufa. Tgħidli, dan li qed iġorru m’għandux id-daqna ta’ Ġesù, huwa żgħażugħ li mhux l-ikonografija ta’ Ġesù, allura il-kwistjoni li tqum: ‘hu r-ragħaj it-tajjeb jew le?’ Jien li tolqotni mhux il-kwistjoni jekk min kien qed iġorr lil Ġuda hux verament Ġesù jekk iġorrux, imma l-fatt li qed iġorru bl-istess mod li l-Mulej iġorr in-nagħġa l-mitlufa. U l-Papa semmieha din l-immaġni medjevali u qal: ‘che grandiosa, che grandiosa’. 
    Meta intom fit-triq tagħkom togħtru, tħossukom iżjed Ġuda l-Iskarjota, iżjed minn Ġuda bin Ġakbu – aħna lkoll għandna l-preġji tal-appostli u għandna d-difetti tagħhom. It-talba tagħna hija li bil-għajnuna ta’ Marija li waqfet taħt is-salib ta’ Binha, aħna rridu nixbħu lil Ġwanni, imma jekk nogħtru bħal Pietru, ma ninsewx li l-Madonna kienet ukoll ma’ Pietru hu u jinżel fuqu u fuq sħabu l-Ispirtu Qaddis tal-Mulej.
     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja