Aktar minn 400 persuna temmew b’suċċess il-korsijiet offruti matul l‑aħħar sena akkademika mill‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (PFI). Iċ‑ċerimonja annwali tal‑gradwazzjoni saret ilbieraħ, il-Ġimgħa 25 ta’ Novembru 2022, u tmexxiet mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Iċ‑ċerimonja bdiet b’quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija, Ħ’Attard u wara saret il‑preżentazzjoni taċ‑ċertifikati.

Fost il‑korsijiet li temmew il‑parteċipanti kien hemm wieħed fil-qasam tal‑katekeżi, l‑għeruq tal‑fidi Nisranija fil‑Ġudaiżmu, it‑teoloġija, il‑kura pastorali fl‑iskejjel, u l‑iskopertà tal‑fidi permezz tal‑arti. Uħud mil‑korsijiet jaqgħu taħt ir-raba’, il‑ħames u s‑sitt livell tal‑Malta Qualifications Framework (MQF) u tal‑European Qualifications Framework (EQF).

L‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali din is‑sena beda s‑17‑il sena ta’ ħidma, u din kienet il‑15‑il ċerimonja ta’ gradwazzjoni. L‑Istitut twaqqaf fl‑2005 biex iwieġeb għas‑sejħa li ħarġet mis‑Sinodu Djoċesan li joffri formazzjoni lill‑Insara li jixtiequ jinżlu aktar fil‑fond fl‑għarfien tal‑fidi u jagħtu kontribut aħjar fil‑Knisja u fis‑soċjetà.

Fis‑sena akkademika preżenti, l‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali qed joffri numru ta’ korsijiet differenti. Fost dawn hemm ‘Il‑Kura Pastorali fl‑Iskejjel’u ‘Il‑Ministeru Sportiv’ li se jibdew fl‑14 ta’ Jannar, ‘Introduzzjoni tat-Teoloġija tal-Ispirtu s-Santu li se jibda fid-19 ta’ Jannar, ‘Appoġġ Emozzjonali fil-Komunità’ li se jibda fl-24 ta’ Frar, l‑Iżvilupp tar‑Responsabbilità Ambjentali’ li se jibda fil‑19 t’April 2023 u żewġ korsijiet online ‘Introduzzjoni għat-Tqarbin’ u ‘Introduzzjoni għall-Quddiesa’.

Għal iktar informazzjoni dwar il‑korsijiet u kif tista’ tapplika, żur pfi.edu.mt.