Mill-25 ta’ Novembru sal-10 ta’ Diċembru, matul is-sittax il-jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, Fondazzjoni Sebħ, qed tniedi kampanja madwar Malta u Għawdex bl-isem ‘Stand with Sebħ’. Matul din il-kampanja, kumpaniji, organizzazzjonijiet u l-pubbliku huma mħeġġa jxerrdu l-messaġġ li huma wkoll qed jingħaqdu ma’ ‘Sebħ fil-ġlieda biex tiġi eliminata l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal’.

Din il-kampanja bdiet ilbieraħ b’konferenza għall-maniġers fil-qasam tar-riżorsi umani fil-Palazz ta’ Sant’Anton, taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza tiegħu l-President George Vella. Din il-konferenza kellha l-għan li tqarreb lid-dinja korporattiva ma’ dik soċjali sabiex jiżdied l-għarfien u s-sensittività dwar sitwazzjonijiet diffiċli li jgħaddu minnhom impjegati u b’hekk jinħolqu postijiet siguri fuq il-post tax-xogħol u jiżdied l-għarfien ta’ kif jistgħu jiġu indirizzati dawn is-sitwazzjonijiet. Fost dawk li attendew kien hemm l-Ministru tal-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, il-Kummissarju għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika Audrey Friggieri u l-Kummissarju tat-Tfal Antoinette Vassallo.

Mill-25 ta’ Novembru, timijiet fi ħdan Fondazzjoni Sebħ, ser iżuru diversi komunitajiet f’Malta u Għawdex biex ixxerdu l-messaġġ favur l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal.

Huma ser iħeġġu kumpaniji biex juru s-solidarjetà tagħhom f’dan ir-rigward. Bl-istess mod 16-il restorant, wieħed kull ġurnata tal-kampanja, se jkunu qed juru solidarjetà u jippromovu l-kampanja ma’ dawk li jżuru l-istabbiliment tagħhom f’dik il-ġurnata kif ukoll billi jagħtu donazzjoni għal din il-kawża.

Matul il-kampanja l-pubbliku huwa mħeġġeġ ixerred il-messaġġ fuq il-profili tal-midji soċjali tagħhom u juru li huma wkoll qed jingħaqdu ma’ Fondazzjoni Sebħ f’din il-kampanja. B’dan il-mod nkunu qed nagħtu vuċi qawwija lil dawk li jesperjenzaw vjolenza.

Flimkien għandna responsabbilità li nitfgħu dawl fuq din l-pjaga soċjali u naħdmu flimkien biex tiġi eliminiata l-vjolenza mill-ħajja tan-nisa u t-tfal.