L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

X’inhi l-Aħbar it-Tajba? Aħna nisimgħu ta’ spiss li bħala dixxipli ta’ Ġesù għandna nxandru l-Aħbar it-Tajba. Imma x’inhi?

Fil-kliem ta’ Ġesù lil Nikodemu, għandna l-qalba tal-Aħbar it-Tajba, meta hu jgħid: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem”. Kieku kellek tiġbor l-Aħbar it-Tajba fl-essenzjal, hu proprju f’dan il-kliem ta’ Ġesù.

Kif jgħid Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni tiegħu liż-żgħażagħ Kristu Jgħix, għandna tliet veritajiet f’din l-“Aħbar il-Kbira”: Li Alla hu mħabba bla tarf; li Alla jsalvana permezz tal-mewt u l-qawmien ta’ Ibnu Ġesù; u li Alla jagħtina l-ħajja – Ġesù huwa ħaj, Ġesù jgħix, u lilna jagħtina l-ħajja ta’ dejjem.

Alla huwa mħabba bla tarf. Iħobbna għax hu tajjeb mhux għax fina jara t-tajjeb. Aħna maħbuba minn Alla, u lilna din timlielna qalbna. Jekk aħna nitbiegħdu minnu, Alla jibqa’ jħobbna; aħna li nkunu qed nitbiegħdu mill-imħabba tiegħu, li nkunu qed nirrifjutawha, li nkunu qed nimblukkaw din l-imħabba tiegħu. Imma Alla jibqa’ jħobbna.

Alla jsalvana permezz tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, li għadna kif iċċelebrajna ftit ta’ ġranet ilu. Hemmhekk għandna din l-Aħbar, l-ikbar espressjoni tal-imħabba – din is-salvazzjoni li jagħtina Alla.

Alla jagħtina l-ħajja. Il-ħajja ta’ dejjem li tibda minn hawn u tkompli lil hinn mill-mewt. Ma jisforzahiex fuqna. Għalhekk Ġesù jgħid: “min jemmen”. Mhux jgħidilna li bilfors irridu nagħmlu hekk, bilfors irid ikollna din il-ħajja, imma joffriha lilna biex aħna jkollna tassew il-ħajja ta’ dejjem.

Meta aħna niftakru f’din l-Aħbar Tajba li wassal Ġesù, nindunaw kemm għandha tifsira sabiħa għal ħajjitna u kemm tgħinna nwarrbu minn moħħna u minn qalbna ideat żbaljati fuq Alla, ideat negattivi fuqu. Ħa nsemmi eżempju ta’ dak li qed ngħixu bħalissa f’dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija.

Kien hemm min qal li dan huwa kastig ta’ Alla. Kastig? Min jgħid hekk, mhux biss għandu idea żbaljata imma qed jagħmel insult lil Alla – li Ġesù wriena min hu. Qed tgħid li Alla jikkastiga anke lil min jgħix tajjeb, min hu innoċenti, anke lil min qed jagħti s-servizz tiegħu u jispiċċa jmut, bħalma kien hemm f’diversi każijiet; kien qed jagħti servizz tiegħu lill-morda. Li tgħid li dan hu kastig ta’ Alla hu insult.

Mhux biss. Anke ma’ dawk li jgħixu ħażin, Alla f’din id-dinja mhux jikkastigahom imma jfittixhom, jiġri warajhom, joffrilhom l-imħabba tiegħu biex jerġgħu lura. Għax kif qal hu fl-Evanġelju: ma ġiex biex jikkundanna lill-bniedem imma biex issalva permezz ta’ Ġesù.

Għalhekk, meta għandna din l-Aħbar it-Tajba, nitolbu lil Alla l-grazzja li aħna ngħixuha u ngħożżuha f’ħajjitna. Inkunu konvinti f’moħħna u f’qalbna li Alla lilna jħobbna, li jimliena bl-imħabba tiegħu. Nitolbuh li dejjem niftakru li Alla hekk ħabb lid-dinja – jiġifieri lili u lilek u lil kull wieħed u waħda minna – li ta lil ibnu l-waħdieni biex permezz tiegħu jista’ jkollna l-ħajja ta’ dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi
    Isqof Awżiljarju