Messaġġ mill-Papa Franġisku

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum qed niċċelebraw il-50 Jum Dinji tal-Art. Hija opportunità biex inġeddu l-impenn tagħna biex inħobbu d-dar komuni tagħna u nieħdu ħsieb tagħha u tal-membri l-aktar dgħajfa tal-familja tagħna. Kif qed turina l-pandemija traġika tal-Coronavirus, flimkien biss u jekk nieħdu ħsieb tal-iktar dgħajfa nistgħu negħlbu l-isfidi globali. L-Ittra enċiklika Laudato sì għandha proprju dan is-sottotitlu: “dwar l-għożża tad-dar komuni”. Illum ejjew nirriflettu ftit flimkien fuq din ir-responsabbiltà li tikkaratterizza l-“mogħdija tagħna minn fuq din l-art” (LS, 160). Jeħtieġ nikbru fl-għarfien tal-għożża tad-dar komuni.

Aħna magħmulin minn materja ta’ din l-art, u l-frott tal-art iwieżen il-ħajja tagħna. Imma, kif ifakkarna l-ktieb tal-Ġenesi, aħna m’aħniex sempliċiment “terrestri”: inġorru fina n-nifs li jagħti l-ħajja li ġej minn Alla (ara Ġen 2:4-7). Għalhekk qed ngħixu f’din id-dar komuni bħala familja waħda ta’ bnedmin u fil-bijodiversità mal-ħlejjaq l-oħra ta’ Alla. Bħala imago Dei, xbieha ta’ Alla, aħna msejħin nieħdu ħsieb u nirrispettaw il-ħlejjaq kollha u nuru mħabba u ħniena għal ħutna, speċjalment l-aktar dgħajfa, fuq ix-xebh tal-imħabba ta’ Alla għalina, li tidher f’Ibnu Ġesù, li sar bniedem biex jaqsam magħna din is-sitwazzjoni u jsalvana.

Minħabba fl-egoiżmu aħna nqasna minn din ir-responsabbiltà ta’ ħarriesa u amministraturi tal-art. “Biżżejjed li tħares lejn ir-realtà b’sinċerità biex tara li d-dar komuni tagħna marret ħafna lura” (ibid., 61). Niġġisnieha, ħarbatnieha, u poġġejna fil-periklu ħajjitna stess. Għalhekk, issawru bosta movimenti internazzjonali u lokali biex iqanqlu mill-ġdid il-kuxjenzi. Sinċerament napprezza dawn l-inizjattivi, u sa jkun hemm bżonn mill-ġdid li wliedna jinżlu fit-triq biex jgħallmuna dak li hu ovvju, jiġifieri li m’hemmx futur għalina jekk neqirdu l-ambjent li jweżinna.

Inqasna milli nieħdu ħsieb tal-art, id-dar-ġnien tagħna, u milli nieħdu ħsieb ta’ ħutna. Dnibna kontra l-art, kontra l-proxxmu tagħna u, żgur mhux forsi, kontra l-Ħallieq, il-Missier twajjeb li jipprovdi lil kulħadd u jrid li ngħixu flimkien f’komunjoni u prosperità. U kif tirreaġixxi l-art? Hemm qawl Spanjol li hu ċar ħafna f’dan, u jgħid hekk: “Alla jaħfer dejjem; aħna l-bnedmin xi kultant naħfru u xi kultant le; l-art ma taħfirha qatt”. L-art ma taħfirhiex: jekk aħna ħarbatna l-art, it-tweġiba sa tkun kerha ħafna.

Kif nistgħu nerġgħu nibnu relazzjoni armonjuża mal-art u mal-bqija tal-umanità? Relazzjoni ta’ armonija… Tant drabi nitilfu l-viżjoni tal-armonija: l-armonija hija ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Anki fid-dar komuni, fl-art, anki fir-relazzjoni tagħna man-nies, mal-proxxmu, mal-iżjed foqra, kif nistgħu nerġgħu nibdew din ir-relazzjoni? Għandna bżonn ta’ mod ġdid kif inħarsu lejn id-dar komuni tagħna. Ngħiduha kif inhi, din mhix xi depożitu ta’ riżorsi li qed hemm biex nisfruttawh. Għalina li nemmnu d-dinja naturali hi l-“Vanġelu tal-Ħolqien”, li jesprimi l-qawwa ħallieqa ta’ Alla meta sawwar il-ħajja umana u ġab fl-eżistenza d-dinja u kulma fiha biex iżomm wieqfa l-umanità. Ir-rakkont bibliku tal-ħolqien jagħlaq hekk: “U ħares Alla lejn kulma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna. U dalam u sebaħ is-sitt jum” (Ġen 1:31). Meta naraw dawn it-traġedji naturali li huma t-tweġiba tal-art għall-mod ħażin ta’ kif qed nittrattawha, jiena naħseb: “Li kelli nsaqsi bħalissa lill-Mulej kif jaħsibha, ma naħsibx li se jgħidli li hi ħaġa tajba ħafna”. Konna aħna li rvinajna l-opra tal-Mulej!

Aħna u niċċelebraw illum il-Jum Dinji tal-Art, aħna msejħin insibu mill-ġdid is-sens tar-rispett sagru għall-art, għax din mhijiex biss id-dar tagħna, imma anki d-dar ta’ Alla. Minn hawn jitnissel fina l-għarfien li qegħdin fuq art qaddisa!

Għeżież ħuti, ħa “nqajmu mill-ġdid fina s-sens estetiku u kontemplattiv li Alla qiegħed fina” (Eżortazzjoni appostolika postsinodali Querida Amazonia, 56). Il-profezija tal-kontemplazzjoni hija xi ħaġa li nifhmuha fuq kollox mingħand il-popli indiġeni, li jgħallmuna li ma nistgħux nieħdu ħsieb tal-art jekk ma nħobbuhiex u ma nirrispettawhiex. Huma għandhom dak l-għerf tal-“ħajja t-tajba”, mhux fis-sens li jgħadduha tajjeb, le: imma li jgħixu f’armonija mal-art. Huma din l-armonija jsejħulha “ħajja tajba”.

Fl-istess waqt, għandna bżonn ta’ konverżjoni ekoloġika li tesprimi ruħha f’azzjonijiet konkreti. Bħala familja waħda u interdipendenti, neħtieġu pjan kondiviż biex inxejnu t-theddid kontra d-dar komuni tagħna. “L-interdipendenza tobbligana naħsbu f’dinja waħda, proġett komuni” (LS, 164). Aħna nafu bl-importanza li nikkollaboraw bħala komunità internazzjonali għall-ħarsien tad-dar komuni tagħna. Għalhekk inħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom awtorità biex jiggwidaw il-proċess li se jwassal għal żewġ Konferenzi internazzjonali importanti: il-COP15 fuq il-Bijodiversità f’Kunming (iċ-Ċina) u l-COP26 fuq il-Bidliet fil-Klima fi Glasgow (ir-Renju Unit). Dawn iż-żewġ laqgħat huma importantissmi.

Nixtieq inħeġġeġ biex jiġu organizzati interventi flimkien anki fuq livell nazzjonali u lokali. Tajjeb li niltaqgħu flimkien, ġejjin minn kull kundizzjoni soċjali, u nagħtu ħajja wkoll lil moviment popolari “minn isfel”. L-istess Jum Dinji tal-Art, li qed niċċelebraw illum, twieled proprju hekk. Kull wieħed u waħda minna jista’ jagħti s-sehem ċkejken tiegħu: “M’għandniex naħsbu li dawn l-isforzi ma jistgħux jibdlu d-dinja. Dawn l-għemejjel ixerrdu fis-soċjetà ġid li dejjem jagħmel il-frott tiegħu lil hemm minn dak li wieħed jista’ jixhed għalih b’għajnejh, għax iqanqlu f’qalb din id-dinja tagħna tjieba li tixtered dejjem iżjed, xi kultant bla ma tidher” (LS, 212).

F’dan iż-żmien tal-Għid, żmien ta’ tiġdid, inħabirku biex inħobbu u napprezzaw id-don tal-għaġeb tal-art, id-dar komuni tagħna, u nieħdu ħsieb tal-membri kollha tal-familja umana. Ta’ aħwa li aħna, ejjew nitolbu flimkien lil Missierna tas-Sema: “Ibgħat l-Ispirtu tiegħek u ġedded il-wiċċ tal-art” (ara Salm 104:30).

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard