L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jibda tixbiha għażiża ħafna għalina f’dawn il-jiem tar-Randan meta fid-djar tagħna, fis-soċjetajiet kulturali u filarmoniċi tagħna, fl-ambjenti tagħna nerfgħu x-xbieha sabiħa għażiża  tas-salib. Hi tradizzjoni sabiħa li kull Randan timlieni b’faraġ kbir u hi espressjoni mhux biss kulturali imma tal-imħabba li aħna għandna lejn Ġesù li ta ħajtu għalina.

“Kif Mosè refa’ s-serp fid-deżert hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem” (Ġw 3:14). Din il-kelma Ġesù jgħidha lil wieħed mill-għorrief tal-Liġi, lil Nikodemu. Nikodemu kien bniedem rett, kellu kurżità kbira jkun jaf lil Ġesù u t-tagħlim tiegħu u b’din l-ewwel laqgħa ta’ Ġesù ma’ Nikodemu li ssir billejl, il-Mulej jispjegalu l-missjoni tiegħu. Aħna nerġgħu niltaqgħu ma’ Nikodemu fil-Ġimgħa l-Kbira meta msieħeb ma’ Ġużeppi ta’ Arimatija jitlob lil Pilatu biex jafdalhom il-ġisem mejjet ta’ Ġesù, biex il-ġisem mejjet ta’ Ġesù ma jingħatax ikel lill-annimali u t-tjur selvaġġi bħalma kien jispiċċa bniedem imsallab, imma jkollu difna dinjituża. Nikodemu allura hu wieħed minn dawk il-personaġġi li nsibu fil-pageants li nagħmlu fil-Ġimgħa l-Kbira.

Imma l-ewwel laqgħa ta’ Nikodemu ma’ Ġesù hi propju din li qed nisimgħu silta minnha fl-Evanġelju llum u Ġesù jirreferi għal narrattiva, storja fit-Testment l-antik fi żmien Mosè. Il-poplu qiegħed fid-deżert igerger bħalma nagħmlu aħna wkoll. Ħin minnhom il-poplu jiltaqa’ ma’ sriep velenużi li jibdew joqtlu n-nies bil-velenu tagħhom u Mosè jidħol fi kriżi kbira, jitlob l-għajnuna ta’ Alla. U Alla jagħtih sinjal ta’ fejqan. Jgħidlu: “Agħmel xbieha ta’ serp tal-bronż, erfagħha fuq għuda u kull min iħares lejn din ix-xbieha tas-serp tal-bronż wara li jingidem, ifiq”. Ġesù qed jagħmel riferiment għal dan l-inċident fl-istorja ta’ Mosè u tal-poplu Lhudi hu u ħiereġ mill-Eġittu: “Kif Mosè refa’ s-serp fid-deżert hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem”. Is-serp tal-bronż fi żmien Mosè kien sinjal ta’ fejqan, kien sinjal ta’ ħelsien.

Ġesù qed jippreżenta lilu nnifsu merfugħ fuq is-salib bħala sinjal ta’ fejqan. Xi jfisser dan? Trid tifhem il-qawwa li tfejjaq tas-salib? Nimmaġinak li għandek diffikultà biex taħfer lil xi ħadd. Ħares lejn Ġesù merfugħ fuq is-salib u tisma’ lil Ġesù jgħid: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34).

Inti forsi qed tiddubita jekk għandekx post ibbukjat il-ġenna? Tgħidli: ‘jiena ħa mmur il-ġenna, Dun? Jiena tliftu l-biljett!’ L-ewwel nett anke jekk tlift il-biljett il-post merfugħ, it-tieni meta jiġrilek hekk ħares lejn Ġesù msallab u ftakar il-kelma li qal lill-ħalliel it-tajjeb: “Tassew ngħidlek illum stess tkun il-ġenna miegħi” (Lq 23:43).

Inti jista’ jkun li meta titlobha lill-Madonna Addolorata tgħidilha: ‘Madonna Addolorata kun int l-omm tiegħi’. Tħares lejn Ġesù msallab u tiftakar fil-kelma li qal: “Mara, hawn hu Ibnek, hawn hi ommok” (Ġw 19:26,27).

Jista’ jkun li fil-mumenti tal-ħajja aħna nħosuna abbandunati minn kulħadd u nħarsu lejn Ġesù msallab merfugħ ’il fuq. Hu jfejjaq is-solitudni tagħna bis-solitudni li ħass fuq is-salib: “Alla tiegħi, Alla tiegħi għaliex tlaqtni?” (Mt 27:47). U l-istedina tagħna hi li aħna nintelqu f’idejn Alla l-Missier bit-talba li Ġesù stess jgħid fuq is-salib: “F’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23:46).

Aħna xi nħobbu l-iżjed? Id-dawl, lil Ġesù? Jew id-dlam tal-egoiżmu, tal-vjolenza, tar-rabja, tal-vendetta? Huma mħabbiet, waħda li tibnik u l-oħra li tkissrek.

B’xi mod din hi l-fidi li se ssalvana. Din hi l-fidi li qed jistedinna għaliha Ġesù wkoll fl-Evanġelju u jfakkarna tagħlima li hemm bżonn niftakruha dejjem: Alla hekk ħabb id-dinja li ta l-Ibnu l-waħdieni. U bħalma jgħid l-appostlu Missierna meta tana lil ibnu miegħu tana kollox; fl-għotja tal-Iben Alla l-Missier jagħtina dak kollu li għandna bżonn, jagħtina kollox. Għaliex? Biex kull min jemmen fih ma jintilifx.

Mela l-għan tagħna hu f’dan ir-Randan li jgħinna niskopru s-sbuħija tas-salvazzjoni, tal-ħelsien, tal-fejqan ta’ dak li llum bi kliem modern insejħulu il-wellbeing mhux f’din il-ħajja biss imma fid-destin aħħari, etern li jistenniena. Il-Mulej ma ġiex biex jibda jfajjar bl-addoċċ, ma ġiex biex jagħmel ħaqq mid-dinja imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.

Imma fl-istess ħin, waqt li qed jagħtina dan iċ-ċans qed jagħmlilna din il-proposta, ikellimna wkoll fuq ir-responsabbiltà tagħna. U b’xi mod qed jgħidilna: jiena bl-imħabba tiegħi ma nneħħilekx il-libertà li għandek li tgħidli ‘le’. U Ġesù hawnhekk idaħħal xbieha oħra: tad-dawl u d-dlam u jgħid: Jiena ġejt dawl fid-dinja imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl” (Ġw 3:19). Hi kwistjoni tal-imħabba tagħna. Aħna xi nħobbu l-iżjed? Id-dawl, lil Ġesù? Jew id-dlam tal-egoiżmu, tal-vjolenza, tar-rabja, tal-vendetta? Huma mħabbiet, waħda li tibnik u l-oħra li tkissrek. Il-Mulej ma jneħħilekx il-libertà tiegħek li tagħżel, qed ifakkrek li mbagħad l-għażliet li tagħmel se jimmarkaw f’din il-ħajja u għal dejjem. Imma issa ġie biex jgħinek tagħżel id-dawl u tħaddmu. Min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl.

U dan hu li se niċċelebraw fil-Vġili tal-Għid, l-għada tal-Ġimgħa l-Kbira. Bix-xemgħat jixegħlu f’idejna fil-lejl qaddis tal-Għid, se nifirħu b’Ġesù li hu d-dawl. Ix-xemgħa hi sinjal tad-dawl ta’ Kristu u waqt li nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija fit-tmiem dil-mixja tar-Randan, aħna nagħmlu għażla jew nġedduha li nersqu lejn id-dawl. Aħna nafu li l-għażla hi f’idejna. Ġesù ma ġiex biex jikkundanna imma biex jurina kemm iħobbna, biex jagħti ħajtu għalina, biex merfugħ fuq is-salib ikun ta’ fejqan għalina. L-istedina tiegħu hi ċara; ejjew nilqugħa, ejjew nersqu lejn id-dawl.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Kron 36:14-16,19-23
Salm: 136 (137):1-2,3,4-5,6
Qari II: Ef 2:4-10
L-Evanġelju: Ġw 3:14-21

Aktar ritratti