Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dan ir-raba’ Ħadd tar-Randan l-Evanġelju jippreżentalna l-figura ta’ Nikodemu (ara Ġw 3: 14-21), fariżew, “wieħed mill-mexxejja tal-Lhud” (Ġw 3:1). Dan kien ra s-sinjali li kien għamel Ġesù, ra fih Mgħallem mibgħut minn Alla u mar jiltaqa’ miegħu billejl, biex ma jagħtix fil-għajn. Il-Mulej jilqgħu, jiddjaloga miegħu u jirrivelalu li hu ma ġiex biex jikkundanna iżda biex isalva d-dinja (ara v. 17). Nieqfu ftit nirriflettu fuq dan: Ġesù ma ġiex biex jikkundanna, imma biex isalva. Sabiħa din, hux!

Spiss fl-Evanġelju naraw lil Kristu jikxef l-intenzjonijiet tal-persuni li jiltaqa’ magħhom, kultant kien iċarrat il-maskra tal-atteġġjemanti foloz tagħhom, bħalma kien jagħmel mal-fariżej (ara Mt 23:27-32), inkella kien jgħinhom jirriflettu fuq id-diżordni li kellhom f’ħajjithom, bħalma ġara fil-każ tas-Sammaritana (ara Ġw 4:5-42). Ma Ġesù m’hemmx sigrieti: hu jaqra l-qlub, il-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. U dil-ħila tiegħu taf tnissel tħassib, għax jekk tintuża ħażin, tkun ta’ ħsara għall-persuni, tesponihom għall-ġudizzji bla ħniena. Infatti, ħadd mhu perfett, ilkoll kemm aħna midinbin, ilkoll niżbaljaw u kieku l-Mulej juża dak li jaf dwar id-dgħufijiet tagħna biex jikkundannana, ħadd ma jirnexxilu jsalva.

Imma mhux hekk. Infatti ma jinqediex bihom biex jipponta sebgħu lejna, imma biex iħaddan ħajjitna miegħu, biex jeħsilna minn dnubietna u biex isalvana. Mhux fl-interess ta’ Ġesù li jagħmlilna proċessi jew jaqta’ sentenzi dwarna; hu jrid li ħadd minna ma jintilef. Il-ħarsa tal-Mulej fuq kull wieħed u waħda minna mhix searchlight li tgħammex u ġġibna f’diffikultà, imma dawl fietel ta’ fjamma ħabiba li tgħinna naraw fina t-tajjeb u nindunaw bil-ħażen tagħna, biex tikkonvertina u tfejjaqna bil-grazzja tiegħu li ssostnina.

Ġesù ma ġiex biex jikkundanna imma biex isalva d-dinja. Naħsbu ftit dwarna nfusna, li tant drabi, bosta drabi, nikkundannaw lill-oħrajn; tant drabi nieħdu gost inqasqsu, infittxu z-zekzik fuq l-oħrajn. Nitolbu lill-Mulej jagħti lil kulħadd dil-ħarsa ta’ ħniena, biex inħarsu lejn l-oħrajn l-istess kif Hu jħares lejna lkoll.

Marija tgħinna biex xewqitna tkun li nixtiequ l-ġid ta’ xulxin.



Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Jumejn ilu ċċelebrajna l-Jum Internazzjonali tal-Mara. Irrid nesprimi l-qrubija tiegħi lejn in-nisa kollha, speċjalment dawk li d-dinjità tagħhom hi kalpestata. Fadal ħafna ħidma xi ssir biex ilkoll kemm aħna nagħtu għarfien konkret lid-dinjità tal-mara, li hi ugwali għal dik tar-raġel. L-istituzzjonijiet, soċjali u politiċi, għandhom id-dmir fundamentali li jipproteġu u jippromwovu d-dinjità ta’ kull persuna umana, billi lill-mara, li ġġorr fiha l-ħajja, joffrulha l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun tista’ tilqa’ d-don tal-ħajja u tkun żgura li uliedha ttihom eżistenza xierqa.

Qed insegwi bi tħassib u niket il-kriżi gravi li qed tolqot lil Haiti u l-ġrajjiet vjolenti li seħħew f’dawn l-aħħar jiem. Jiena qrib il-Knisja u l-għażiż poplu ta’ Haiti, li ilu snin mikdud minn tbatijiet kbar. Nistedinkom titolbu, bl-interċessjoni tal-Madonna tas-Sokkors, biex tintemm kull xorta ta’ vjolenza u kulħadd jagħti sehmu biex titkattar il-paċi u r-rikonċiljazzjoni fil-pajjiż, bit-tiġdid tal-għajnuna min-naħa tal-komunità internazzjonali.

Fadal ħafna ħidma xi ssir biex ilkoll kemm aħna nagħtu għarfien konkret lid-dinjità tal-mara, li hi ugwali għal dik tar-raġel.

L-istituzzjonijiet, soċjali u politiċi, għandhom id-dmir fundamentali li jipproteġu u jippromwovu d-dinjità ta’ kull persuna umana, billi lill-mara, li ġġorr fiha l-ħajja, joffrulha l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun tista’ tilqa’ d-don tal-ħajja u tkun żgura li uliedha ttihom eżistenza xierqa.

Insellem lilkom ilkoll li ġejtu hawn minn Ruma, mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja.  Insellem b’mod partikolari lill-istudenti tal-Kulleġġ Irabia-Izaga minn Pamplona, lill-pellegrini minn Madrid, Murcia u Malaga u lil dawk minn St Mary’s Plainfield – New Jersey.

Insellem liż-żgħażagħ tal-ewwel tqarbina u tal-griżma mill-parroċċa Nostra Signora di Guadalupe u San Filippo Martire f’Ruma; lill-fidili minn Reggio Calabria, Quartu Sant’Elena u Castellamonte.

Nilqa’ b’għożża lill-komunità Kattolika mir-Repubblika tal-Congo li tinsab hawn f’Ruma. Nitolbu għall-paċi f’dal-pajjiż, kif ukoll fl-Ukrajna mifnija u fl-Art Imqaddsa. Waqqfu minnufih il-ġlied li qed iġib tbatija bla tarf lill-popolazzjoni ċivili.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!