Naħseb li għaraft tassew xortija meta lmaħt it-tbissima fuq wiċċ il-Qdusija Tiegħu l-Papa hekk kif dak kollu li kont ippjanajt li ngħid u nsaqsi insejtu u bqajt qisni ssummata.

Li l-Papa laqagħna f’nofsu u wera interess ġenwin biex isir jafna għeni ninduna kemm tassew aħna lkoll importanti għal Alla, kull wieħed minnha f’kull ma nagħmlu. Ftakart kif Alla jixtieq ikun qribna f’kull waqt u jridna naqsmu miegħu n-niket kif ukoll il-ferħ tagħna. Ħassejtni tassew kburija li ż-żgħażagħ Maltin urew imħabbithom lejn dak li huwa għalina rappreżentazzjoni ta’ Alla nnifsu. Il-ferħ li lmaħt fuq wiċċ il-Papa meta wasalna l-Waterfront quddiem dawk l-eluf ta’ żgħażagħ timlini b’konvinzjoni li Alla għandu fiduċja kbira fina bħala ħbieb intimi tiegħu li lesti naqduħ u nifirħu miegħu.