• Appell għat-talb u għotjiet għall-Eġittu u għas-Sirja

    Messaġġ mill-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex

  • Quddiem il-ġrajjiet imdemmija li għaddejjin minnhom iż-żewġ pajjiżi ġirien tagħna, is-Sirja u l-Eġittu, aħna l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex nagħmlu appell lill-poplu ta’ Alla f’pajjiżna, biex joffri talb ħerqan biex iseħħ il-waqfien mill-ġlied li qiegħed ikun kawża ta’ ħafna tbatija nġusta u mwiet.

    Filwaqt li nitolbu għal ħutna l-Insara li jgħixu f’dawn il-pajjiżi, biex ikun rispettat id-dritt tagħhom għall-liberta reliġjuża,  insejħu s-sliem ta’ Alla fuq ħutna l-Musulmani. Kif jikteb il-Qdusija Tiegħu il-Papa Franġisku, f’messaġġ li kiteb dan l-aħħar lill-Musulmani tad-dinja, hija t-tama tagħna lkoll li bejn l-Insara u l-Musulmani ikun hemm rispett reċiproku u ħbiberija.

    Nieħdu din l-okkażjoni biex nesprimu s-solidarjetà tagħna ma’ dawk l-Egizzjani u s-Sirjani li hawn f’pajjiżna u naqsmu magħhom it-tħassib u n-niket li huma qed iġarrbu meta qed jassistu għal dak li qed jiġri f’pajjiżhom.

    Billi l-gwerra tgħakkez lill-bniedem, nagħmlu appell biex ngħinu lil dawn ħutna. Għalhekk, fil-jiem li ġejjin ser tkun organizzata iniżjattiva għall-ġbir tad-donazzjonijiet.  L-għotjiet li jaslu jitqassmu f’żewġ partijiet indaqs u naraw li jaslu lill-Knejjes fl-Eġittu u fis-Sirja biex jgħinu lil foqra li qed toħloq il-gwerra, bla ebda differenza għat-twemmin tagħhom.

    + PAWLU CREMONA O.P.                                          + MARIO GRECH

        Arċisqof ta’ Malta                                                       Isqof ta’ Għawdex

    + CHARLES J. SCICLUNA                                      

        Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta