L-1 ta’ Jannar, 2010 huwa l-appuntament tal-Maltin u Għawdxin għall-Open Day li Radju RTK se jorganizza għall-erbatax-il darba biex jinġabru fondi għad-Dar tal-Providenza. Ix-xandira televi żiva tibda fid-9.00am b’quddiesa mill-kappella tad-Dar tal-Providenza u tibqa’ sejra sa ftit wara nofsillejl meta titħabbar is-somma tal-għotjiet miġbura. Personalitajiet li se uru d-Dar matul il-ġurnata ta’ l-Ewwel tas-Sena jinkludu lill-President ta’ Malta l-E.T. Dr George Abela, il-Prim Ministru, Dr Lawrence Gonzi, L-iSpeaker tal-Kamra, Dr Louis Galea, il-Kap ta’ l-Oppozizzjoni, Dr Joseph Muscat, Mons. Arċisqof Pawl Cremona, l-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech u l-Arċisqof Emeritus Mons. Guzeppi Mercieca.

Matul il-ġurnata se jkun hemm divertiment permezz ta’ kant minn kantanti ewlenin Maltin, entertainers u baned waqt li wara nofsinhar se jkun hemm ukoll divertiment u logħob għat-tfal. Se jkun hemm servizz shuttle kemm mill-pjazza ewlenija tas-Siggiewi kif ukoll mill-car park li se jsir fuq ir-runway l-antika fi Triq San Niklaw. Fit-triq li tagħti ghad-Dar tal-Providenza se jitħalla biss li jsir parkegg fuq naha waħda tat-triq biss biex tiġi evitata kull konġestjoni minħabba l-folol tan-nies li bħal fis-snin l-imgħoddija mistennija jzuru d-Dar.