Il-Papa Ġwanni Pawlu II qed jinkoraġixxi lil dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa sabiex jibnu kultura tal-ħajja bbażata fuq valuri etiċi. Il-Papa qal dan fl-aħħar indirizz pubbliku qabel ma talab it-talba tal-Angelus fi Pjazza San Pietru l-Vatikan. Huwa rrefera għall-Jum Dinji tal-morda, iċċelebrat il-Ġimgħa, festa tal-Madonna ta’ Lourdes. Fi kliemu, “dan il-jum huwa ta’ okkażjoni opportune biex issir riflessjoni, isir talb u tiżdied il-kuxjenza lejn il-morda mill-komunita ekkleżjali u s-soċjeta ċivili”.

“Nistieden lil kulħadd jikkontempla lil Ġesu, Iben Alla, li bata u miet, imma qam mill-mewt.Alla hu radikament kontra l-arroganza tal-ħażen. Ġesu jieħu ħsieb il-bniedem f’kull sitwazzjoni, jingħaqad miegħu anke fil-mument tat-tbatija u joffrilu tama. Inħeġġeġ lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa sabiex fil-marid jaraw mhux biss il-fraġilita, imma qabel kollox, persuna li lejha hi meħtieġa tintwera solidarjeta”

Kompla li jittama li kulħadd jaħdem sabiex tikber il-kultura tal-ħajja, sabiex il-valur tal-bniedem ikun fiċ-ċentru ta’ kull ċirkostanza. Skont il-fidi u r-raġuni, id-dinjita tal-persuna tibqa’ sħiħa anki fil-mumenti meta l-ġisem hu dgħajjef fil-mard u fid-diżabilita.

Il-Papa Benedittu XVI sellem partikolarment lil delegazzjonijiet mid-dipartimenti tal-mediċina fi ħdan l-Universita ta’ Ruma, akkumpanjati mill-kardinal vigarju tad-djoċesi ta’ Ruma fl-okkażjoni tal-konferenza sponsorjata mid-Dipartimenti tal-Ġinekoloġija u l-Ostetrija dwar l-assistenza medika fit-tqala.

Il-Papa temm jafferma li “meta r-riċerka xjentifika u teknoloġika hi gwidata minn valuri etiċi awtentiċi, ikun possibbli li jinstabu soluzzjonijiet adekwati, fost oħrajn, għall-promozzjoni tal-maternita. Hi x-xewqa tiegħi li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa jirtu kultura mġedda favur il-ħajja”.