Il‑Jum Dinji tas‑Saħħa Mentali, li jitfakkar fl‑10 ta’ Ottubru, huwa jum internazzjonali li għandu l‑għan iqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet ta’ saħħa mentali u jixpruna sforzi li jappoġġaw is‑saħħa mentali.
Persuni li jaffaċċjaw sfidi ta’ saħħa mentali, u qrabathom, jistgħu jsibuha diffiċli ħafna. Dawn l-isfidi għadhom iġorru stigma kbira. Nies bi problemi ta’ saħħa mentali jistgħu jitqiesu bħala ta’ rieda dgħajfa, u jistgħu jaslu biex jemmnu dan huma stess. Xi wħud jistgħu jħossuhom iżolati mill‑komunità tagħhom, u forsi anke minn Alla. Ir‑realtà hi li l-problemi ta’ saħħa mentali jistgħu jaffettwaw lil kulħadd, irrispettivament mill‑età, razza, ġeneru, sfond soċjali, dħul eċċ. Matul perjodi ta’ ansjetà u iżolament soċjali, bħalma ġara fil‑pandemija preżenti tal‑COVID‑19, dawn il‑problemi żgur li żdiedu.
Nixtiequ naqsmu l-qawwa u l‑inkoraġġiment li Alla jagħti lil dawk li qed jaffaċċjaw dawn it‑tip ta’ problemi, u lill-familji tagħhom. Mhumiex piż fuq ħaddieħor, imma huma parti vitali mill‑Ġisem ta’ Kristu, bi rwol speċjali li jista’ jitwettaq minnhom biss. Permezz ta’ Kristu, dawk l‑oqsma f’ħajjitna fejn inħossuna bla saħħa jsiru dawk l‑oqsma fejn Alla jista’ jaħdem fina, u jsiru wkoll sors ta’ qawwa għal ħaddieħor. San Pawl kiteb li l‑Mulej qallu: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef” (2 Kor 12:9).
It‑tema għall‑Jum Dinji tas‑Saħħa Mentali ta’ din is‑sena hi “Saħħa Mentali għal Kulħadd: Investiment Ikbar – Aċċess Aħjar”. Nixtiequ nħeġġu investiment akbar fis‑saħħa mentali, partikolarment matul din l‑emerġenza tas‑saħħa globali u anke wara li tgħaddi, biex ħadd ma jibqa’ l‑art.
F’dan il‑jum nitolbu biex in‑nies kollha bi problemi ta’ saħħa mentali dejjem jiġu milqugħa, jiġu inklużi u jingħataw appoġġ, speċjalment fi ħdan il‑Knisja, il‑Poplu ta’ Alla, fejn kull membru huwa għażiż. Nitolbu li nkunu dejjem lesti li nakkumpanjaw lil kull min jista’ jkun għaddej minn żmien diffiċli u nitolbu wkoll lil Alla biex jgħinna naħdmu għal soċjetà li fiha kulħadd huwa għażiż u d‑dinjità ta’ kull bniedem hija rispettata.
✠
Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
President tal‑Konferenza Episkopali
Maltija
✠
Anton Teuma
Isqof ta’ Għawdex
✠ Joseph Galea‑Curmi
Isqof Awżiljarju ta’ Malta