Fid-9 ta’ Lulju li għadda miet il-Kappillan tal-Imqabba, Dun Nazzareno Caruana. Bħala Knisja jidhrilna li fil-mewt tal-kappillan kellha titħassar il-Festa. Imma fi spirtu ta’ djalogu ġenwin u b’sinjal ta’ rieda tajba, saru diskussjonijiet ma’ dawk kollha konċernati u wasalna fi qbil fuq dawn il-punti li ġejjin.

Punti li ntlaħaq ftehim fuqhom bejn
L-AWTORITAJIET TAL-KNISJA u
S-SOĊJETA’ SANTA MARIJA U BANDA S. ĠORĠ V
dwar il-Festa ta’ Santa Marija 2012 fl-Imqabba

8 ta’ Awwissu – Quddiesa

F’dan il-jum, il-Quddiesa tal-Kwindiċina, konċelebrata mis-saċerdoti preżenti tkun b’suffraġju ta’ Dun Nazzareno.

9 ta’ Awwissu – Ħruġ tal-Vara min-Niċċa

L-istatwa ta’ Santa Marija toħroġ fuq iż-Żuntier b’innijiet Marjani. Issir talba b’suffraġju ta’ Dun Nazzareno, tinqara poeżija dwar l-ex Kappilan. Meta l-istatwa tidħol fil-knisja, il-Banda tinżel minn fuq iz-zuntier bla ma ddoqq u tmur fit-triq il-Madonna tal-Ġilju fejn jibda l-marċ.

10 ta’ Awwissu – Programm tal-Banda

Ma jsir ebda ħruq tan-Nar u matul il-programm isir feature dwar Dun Nazzareno u tinqara poeżija kif ukoll tindaqq biċċa mużika li se tinkiteb apposta. Tinżamm minuta silenzju. U jkompli l-programm bħas-soltu.

11, 12 u 13 ta’ Awwissu – Tridu

Matul il-Mutett ta’ wara l-quddiesa, il-kant isir bil-kor tal-parroċċa, mingħajr orkestra.

14 ta’ Awwissu – Lejlet Santa Marija

Il-kant fil-funzjonijiet tal-lum u ta’ għada jsir akkumpanjat mill-orkestra bħas-soltu.

Il-koppla tinxtegħel illum u għada.

Programm tal-Logħob tan-Nar.

Isir ripettizzjoni tal-feature, tinqara bijografija ta’ Dun Nazzareno u tinżamm minuta silenzju u jsir il-programm tal-logħob tan-nar bħas-soltu.

15 ta’ Awwissu – Jum Santa Marija

Ma jsirux il-marċi ta’ nofs in-nhar u l-marċ ta’ wara l-purċissjoni magħruf bħala tan-Nar.

Il-purċissjoni kollha tieħu forma ta’ pellegrinaġġ  bit-talb u l-Banda ddoqq innijiet Marjani alternati mat-talb. Meta l-pellegrinaġġ jasal ħdejn il-planċier, jindaqq l-innu l-Kbir u l-Ave Marija u wara jkompli l-pellegrinaġġ bit-talb. Minn hawn ‘il quddiem tinħaraq biss kaxxa waqt id-dħul tal-Vara. Ebda ħruq ieħor ta’ nar mhu se jsir.

16 ta’ Awwissu – L-għada ta’ Santa Marija

Titħassar ix-xalata u l-attivitajiet l-oħra relatati magħha.