L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ħatar lil Kan. Dun Karm Busuttil bħala kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ Preca, is-Swatar.

Dun Karm Busuttil twieled Birkirkara fit-22 ta’ Ġunju 1947. Huwa rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola St. Francis, l-iskola primarja ta’ Birkirkara u fis-Seminarju Minuri. Fl-1966 daħal fis-Seminarju Maġġuri u ġie ordnat saċerdot fl-20 ta’ Lulju 1974.

Dun Karm serva bħala viċi-kappillan fil-parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara, tal-Madonna tal-Karmnu, l-Gżira, tal-Kunċizzjoni, il-Ħamrun, u fil-parroċċa ta’ Sant’ Elena, Birkirkara fejn ġie maħtur membru tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ S. Elena fit-8 ta’ Mejju 1986.  Bħala parti mill-ħidma pastorali tiegħu serva ukoll bħala religious counsellor fl-iskejjel primarji tal-Istat.

Dun Karm wettaq ukoll ħidma pastorali fis-Swatar sa minn qabel din saret parroċċa f’Diċembru tal-2009, fejn imbgħad serva bħala viċi-kappillan.

Il-parroċċa tas-Swatar tiġbor fiha madwar 5,100 persuna f’1,500 familja.