Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ martri, Papa Franġisku ċċelebra l-Ewkaristija mal-kardinali fil-kappella tal-Palazz Appostoliku. Il-Kardinal Angelo Sodano qal lill-Papa li l-kardinali xtaqu jingħaqdu miegħu għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika sabiex iroddu ħajr ‘l Alla għad-doni li tah. Ħarsa lejn il-liturġija tal-kelma, intqal li kien ċar it-tixrid tal-Vanġelu mill-ewwel insara minkejja l-persekuzzjoni. Dan minbarra l-messaġġ tal-Vanġelu li n-nagħaġ jagħrfu l-vuċi tar-ragħaj, li jafhom u li jimxu warajh. Il-Papa Franġisku min-naħa tiegħu qal li hu assurd li wieħed jaħseb li jista’ jgħix ma’ Ġesu iżda mingħajr il-Knisja. Kompla jgħid li l-espansjoni missjunarja tal-Knisja bdiet preċiżament fi żmien il-persekuzzjoni, bil-vjaġġ tal-Knisja dejjem sar bejn is-salib u l-qawmien, bejn il-persekuzzjoni u t-tkabbir ġdid.