L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Issa x’se jmissna?” (Mt 19:27) Dan huwa l-kliem li smajna lil Pietru jgħid lil Ġesù fl-Evanġelju llum: x’se jmissna, issa li aħna mxejna warajk? F’moħħu dak iż-żmien kellu x’se jakkwista. U din hija fil-fatt mentalità mifruxa fis-soċjetà: jien x’se nieħu, x’se nakkwista, x’se jkolli jien f’idejja?

Qegħdin nagħmlu llum il-Festa ta’ San Benedittu li f’ħajtu ma kinitx din il-mistoqsija li staqsa – “x’se jmissna?” – anzi hu ra mhux x’se jieħu, imma x’se jkun kif irid Alla, imbagħad x’se jagħti. Nixtieq li llum naraw x’jgħid lilna San Benedittu, li jgħodd għall-ħajja tagħna, u nirriflettu fuq tliet aspetti importanti tal-ħajja tiegħu.

Benedittu u l-ambjent ta’ madwaru

Benedittu għex fi żminijiet diffiċli ħafna. Kien il-perjodu meta kien spiċċa l-imperu Ruman, imma kien ukoll żmien ta’ firdiet fil-ħajja tal-Knisja. Kellu diffikultajiet ukoll fil-ħajja tiegħu personali. Imwieled Norcia, meta hu mar Ruma biex ikompli l-istudji, beda jara madwaru u fi sħabu ħajja ta’ nuqqas kbir ta’ valuri.

Kellu għażliet differenti quddiemu. Seta’ qal: nagħmel bħall-oħrajn, u nimxi mal-kurrent. Seta’ mill-banda l-oħra qagħad igerger u jgħid “dari konna aħjar mil-lum”, jilmenta fuq is-sitwazzjoni, u jibqa’ hekk. Imma Benedittu għażel triq differenti. L-ewwel nett, għażel li jmur waħdu u mar Subiaco u hemm għex f’għar biex ikun waħdu ma’ Alla u jitħarreġ fil-ħajja tiegħu spiritwali. Ma kienx l-iskop tiegħu li jgħaddi ħajtu eremita, imma għamel tliet snin waħdu, u kien żmien li servieh għal taħriġ. Fi kliem Papa Benedittu XVI, hemmhekk Benedittu għaraf jegħleb tliet tentazzjonijiet li huma tant komuni fil-ħajja tal-bniedem: it-tentazzjoni li jkun hu fiċ-ċentru flok Kristu; it-tentazzjoni li jħalli dak li jħoss, il-passjonijiet tiegħu jmexxuh; u t-tentazzjoni li jimtela bil-korla u bil-vendetta għall-ħażin li jagħmlulu.

Benedittu bil-ħajja tiegħu hemmhekk attira nies oħra, u talbuh biex imexxi monasteru. Imma sab diffikultajiet għax mhux kulħadd kien lest li jimxi fil-ħajja dixxiplinata li hu xtaq. Nafu li bis-saħħa tiegħu twaqqfu numri ta’ monasteri fl-inħawi ta’ Subiaco. Imma fl-ambjent ta’ madwaru sab ukoll ostakli u persekuzzjoni, u eventwalment minn Subiaco għadda għal Montecassino fejn waqqaf dak il-monasteru li baqa’ l-post l-aktar simboliku tal-bidla li ġab Benedittu fil-ħajja monastika tal-Punent. 

F’dan kollu Benedittu jagħtina messaġġ importanti. Hu qatt ma ħalla l-ambjent ta’ madwaru jikkondizzjonah fl-għażliet tiegħu u jġagħlu jagħmel l-għażliet li jagħmlu l-oħrajn, jew inkella jaqtagħlu qalbu. Imma hu għażel li jagħmel dak li Alla wrieh li jrid minnu. Benedittu jgħallimna li ma rridux inħallu l-ambjent ta’ madwarna jikkondizzjonana f’ħajjitna. Aħna wkoll ġieli jkollna t-tentazzjoni jew li nagħmlu bħalma qed jagħmel kulħadd – per eżempju, inqabblu fejn jaqbel, insiru kompliċi tal-korruzzjoni ta’ ħaddieħor – jew mill-banda l-oħra li nispiċċaw nilmentaw u forsi ngħidu wkoll “żmien ilu l-ħajja kienet aħjar”. L-isfida llum hi li nagħrfu ngħixu dak li jrid Alla minna fiċ-ċirkostanzi attwali tal-ħajja, u bħal Benedittu ma nintelqux meta mdawrin minn ambjent ostili imma nibnu xi ħaġa li tħalli l-ġid.

Benedittu u l-għażla ta’ Alla fuq kollox

Benedittu qiegħed dejjem lil Alla fl-ewwel post. Lil sħabu għallimhom li għandhom ifittxu dejjem lil Alla. Ukoll fil-motto marbut miegħu – Ora et Labora – l-ewwel jiġi t-talb, ir-relazzjoni ma’ Alla. Hu b’dal-mod li l-affarijiet jieħdu posthom fil-ħajja. Jekk lil Alla neskluduh, jitħarbtu ħafna affarijiet.

Benedittu għallimna li meta nqiegħdu lil Alla l-ewwel, hu jilluminana kif għandna ngħixu u jagħtina l-għajnuna biex nagħmlu l-ħajja tassew sabiħa. Kemm ix-xogħol, kemm l-istudju, kemm oqsma oħra tal-ħajja. Dan ukoll jagħtina messaġġ importanti għall-ħajja tagħna. It-tentazzjoni kultant hi li Alla jiġi meqjus stepney – qiegħed hemm meta tinqala’ xi ħaġa ħażina li għandna bżonn nirranġaw – jew jiġi mġenneb b’mod li ma jibqax hu fiċ-ċentru. Jista’ jiġri li l-karriera ssir reliġjon, jew xi ħaġa oħra importanti fil-ħajja tagħna nagħmluha reliġjon; u r-reliġjon – jekk ikun hemm ħjiel tagħha – issir passatemp. Meta nagħmlu hekk, hu aħna li mmorru minn taħt.

Benedittu jurina, bil-ħajja tiegħu, kif meta nqiegħdu lil Alla l-ewwel, hu jgħinna fil-ħajja tagħna, u jgħinna nkunu aħjar fil-professjoni tagħna, fl-istudji tagħna, f’kull qasam tal-ħajja tagħna.

Benedittu u l-ġid lis-soċjetà

Benedittu għamel ħafna ġid lill-Knisja u lis-soċjetà kollha. Hu għaraf li l-fidi tgħixha fil-ħajja ta’ kuljum, u tgħinek biex taħdem, biex isebbaħ il-ħajja wkoll. Aħna nafu kemm bis-saħħa tal-Benedittini, segwaċi tiegħu, li mxew mar-Regola li hu fassal għall-ħajja monastika, għandna l-iżvilupp hekk sabiħ fil-liturġija, fl-arti, fl-arkitettura, fil-mużika, fl-istorja u f’tant oqsma oħra. Il-patrimonju hu tassew kbir.

Dan jurina li l-fidi, meta ngħixuha bis-serjetà, tħalli ħafna ġid lis-soċjetà fl-qosma differenti. Issebbaħ lis-soċjetà. Jurina wkoll is-sbuħija tal-Knisja, li hija l-familja ta’ dawk li qed jieħdu bis-serjetà lil Ġesù Kristu, u jimxu warajh bħala dixxipli tiegħu.

Fil-festa ta’ San Benedittu, nirringrazzjaw lil Alla llum tal-Benedittini li segwewh tul is-snin, speċjalment fir-Regola li tant ispirat ħajjiet reliġjużi u li tenfasizza tliet aspetti partikulari li tant huma importanti għall-ħajja ta’ kuljum: l-istabilità, l-ubbidjenza, u l-conversatio morum – il-fedeltà lejn il-ħajja monastika. Dawn jagħtu dawl lis-soċjetà kollha.

Nirringrazzjaw lill-Mulej illum tal-ġid kollu li hu frott ta’ San Benedittu, u nitolbuh biex hu jkomplu jdawwal l-ewwel nett lill-Benedittini, b’talb speċjali għal dan il-Monasteru ta’ Santa Skolastika – iddedikat lil oħt San Benedittu – u dawk kollha li hawnhekk iddedikaw ħajjithom lil Alla. Nitolbuh ukoll li jkompli jdawwal il-Knisja kollha bl-ispirazzjoni tal-ħajja tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju