Qegħdin infakkru wieħed mill-patruni tal-Ewropa. San Pawlu VI ddikjara lil San Benedittu patrun tal-Ewropa, u r-raġuni kienet li b’dak li beda fis-seklu 6 qajjem il-kultura Ewropea miġbura madwar il-monasteri bħala ċentri ta’ talb, ta’ kultura, ta’ xogħol, ta’ agrikoltura, ċentri ta’ ċivilizzazzjoni.

Aħna rridu nitolbu l-interċessjoni ta’ San Benedittu llum biex din iċ-ċiviltà tal-imħabba, tat-talb, tal-bżulija, tkompli ssib propju ambjent fejn tikber u tixtered, mhux biss fuq il-kontinent tagħna, imma fostna u fid-dinja. Hija kultura, qabel xejn, li tiddikjara lil Alla sid tal-bniedem u tal-ħolqien, li tirrikonoxxi l-post li għandu fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.

U allura San Benedittu jgħallimna din il-ħaġa. Fit-talba ta’ San Ġorġ Preca, aħna nħobbu ngħiduha din it-talba: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. San Benedittu din il-ħaġa jgħallimhielna b’mod profond. Mela l-ewwel primat fl-ispiritwalità ta’ San Benedittu hu s-Sinjur Alla. Imma mbagħad San Benedittu, fix-xogħol, fil-ħajja tal-komunità, fl-ubbidjenza, fil-kastità, fil-povertà, imma anke fl-istabbilità, ħoloq ambjent fejn il-bniedem jikber ukoll fih innifsu u mal-oħrajn. Il-monasteri Benedittini jsiru fl-Ewropa ċentri ta’ kultura partikolari u speċjali. Huma, biex ngħidu hekk, il-qafas li ta lill-kontinent għażiż tagħna t-togħma tajba li aħna għadna ngawdu.

Minn dan il-monasteru antik, nitolbu lill-Mulej ixerred bl-interċessjoni ta’ San Benedittu u ta’ oħtu Santa Skolastika barka fuq il-pajjiż tagħna. Aħna u nfittxu l-ġid materjali, nogħxew bis-sbuħija tal-affarijiet maħluqa minn Alla u mill-bniedem, ejjew ma ninsewx li qegħdin hawn għal ftit żmien u rridu nagħtu kont tal-għażliet kollha tagħna.

Id-domanda tagħna trid tkun: ‘Jiena, bil-ħajja tiegħi, qed inħalli d-dinja ftit aħjar milli sibtha?’ Għax kultant nieqfu u nagħmlu xi tnehida, jekk ma nagħmlux xi tgergira wkoll. Imma llum, il-Mulej jgħinna nistaqsu lilna nfusna: ħabib/a, imma inti x’qed tagħmel biex id-dinja tkun aħjar?

Ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ San Benedittu llum biex din il-mistoqsija li tidwi fil-qalb tagħna nagħtuha risposta sinċiera. Mulej, għinni bil-ħajja tat-talb u bil-ħajja tax-xogħol, inħalli d-dinja aħjar milli sibtha.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Prov 2:1-19
Salm: 33:2-4,6,9,12,14-15
L-Evanġelju: Mt 19:27-29