Pope Benedict XVI's last weekly audience

150,000 persuna nġabret fi Pjazza San Pietru għall-aħħar udjenza ta’ Benedittu XVI. Il-Papa daħal fil-Pjazza fl-10:30 ta’ filgħodu fuq il-Popemobile ibierek u jsellem lin-nies fost il-ħafna ċapċip u għajat.  Bosta gruppi li kienu fil-pjazza ġabu magħhom strixxuni b’kitba fuqhom bħal: ”Għażiż Papa … inħobbuk ħafna … itlob għalina” … ”Inti Pietru u aħna ż-żgħażagħ inħobbuk”. Waqt id-diskors tiegħu, il-Papa Benedittu kien jidher kommoss ħafna. Beda billi rringrazzja lin-nies preżenti fi Pjazza San Pietru. Qal li l-Knisja Kattolika tinħass sew li għadha ħajja u stqarr li għandu fiduċja sħiħa fil-Knisja.

Benedittu XVI qabbel lilu nnifsu ma’ San Pietru meta kien jistad fuq id-dgħajsa fil-Galilija. Qal li “xi drabi s-sajda kienet tkun abbundanti u drabi oħra le … xi drabi l-baħar kien ikun imqalleb u drabi oħra r-riħ jonfoħ kontrik”. Hawnhekk fisser li matul it-tmien snin tal-Pontifikat, għadda minn ħafna nżul u tlajja imma dejjem emmen li l-Mulej kien miegħu. B’referenza għall-Knisja, Benedittu XVI, li skont Fr Federico Lombardi se jibqa’ jġorr l-isem Papali, anki jekk jissejjaħ Papa emeritus,  qal li l-Mulej mhux se jħalli d-dgħajsa tiegħu tegħreq.

Kemm waqt id-diskors u anke wara fuq twitter, il-Papa qal jixtieq li kulħadd jesperjenza l-ferħ ta’ min ikun nisrani. Il-Fidi, qal il-Papa, hi l-iktar rigal prezzjuż li għandu n-nisrani u li ħadd ma jista’ jneħħi. Benedittu tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni tar-riżenja tiegħu. Qal li minkejja li kienet deċiżjoni diffiċli, hu għamel dan il-pass b’serenità kbira. Qal li tħobb lill-Knisja ifisser li trid tieħu deċiżjonijiet iebsa u dejjem iżżomm bħala priorità il-ġid tal-Knisja. Qal li se jibqa’ jgħin fil-mixja tal-Knisja permezz tat-talb u r-riflessjoni.

L-aħħar xewqa tiegħu qabel ma jtemm il-Pontifikat fissirha fit-talb għas-suċċessur ġdid ta’ San Pietru, għalih u għall-Knisja universali.