L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Nixtiequ naraw lil Ġesù” (Ġw 12:21). Din kienet it-talba li xi Griegi għamlu lil Filippu, wieħed mid-dixxipli ta’ Ġesù, għax xtaqu jaraw lil Ġesù. Kellhom din il-kurżità, u tkellmu ma’ Filippu, li mbagħad mar isib lil Indrì, dixxiplu ieħor, u t-tnejn li huma marru jgħidu lil Ġesù.
Tolqotna ħafna r-reazzjoni ta’ Ġesù. Jgħid: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat” (Ġw 12:23). Għall-ewwel jagħtik x’taħseb li, billi ħafna xtaqu jarawh, wasal il-mument tal-glorja. Qisu qed jieħu pjaċir li qed isir iktar popolari, qed jilħaq nies li ġew mill-bogħod. Issa anke l-Griegi l-għorrief qed isemmuh, iridu jarawh.
L-akbar imħabba
Imma mbagħad, meta jkompli jitkellem, tinduna li mhux hekk, għax jaqleb it-ton għal kollox. Kif se jkun igglorifikat? Jgħid: “jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ waħedha; imma jekk tmut tagħmel ħafna frott” (Ġw 12:24). Dan il-kliem qed jgħidu għalih innifsu, u qed ifisser hawnhekk dak li kellu jgħaddi minnu – li hu kellu jkun mislub, imut, u meta jqum, hemmhekk tibda ħajja ġdida.
Qisu qed jgħid: mhux dik li qed taħsbu intom il-glorja; mhux li aktar nies jarawni; jekk tarawni mhux biżżejjed biex tifhmuni. Anzi se tifhmuni l-aktar meta ma tarawnix, bħal ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut. Hu f’dak il-mument li tifhmuni l-aktar. Dak se jkun il-mument tal-glorja: fil-mewt fuq is-salib, fl-aqwa att ta’ mħabba, u fil-qawmien għal ħajja ġdida.
Hemm, meta jkun merfugħ ‘il fuq fuq is-salib, meta jidher proprju qisu l-ħabba tal-qamħ li qed tmut, hemm isseħħ is-salvazzjoni. Hemm Ġesù qed jagħti ħajtu għall-bnedmin kollha, biex kulħadd ikollu l-ħajja. Meta tarah u tgħid: kif spiċċa! – hemm tibda l-ħajja ġdida.
Hija fl-akbar għotja ta’ mħabba li nistgħu nifhmu tassew lil Ġesù, u l-qalba tal-ħajja tiegħu. Ħajtu kollha kienet għotja ta’ mħabba, u fuq is-salib hemm il-milja ta’ din l-għotja.
Ħajjitna għotja bħal tiegħu
B’dan il-kliem tiegħu, Ġesù jrid jagħti messaġġ lill-Griegi li riedu jarawh u lilna lkoll. Tara lil Ġesù u tiltaqa’ miegħu tfisser li ssegwih, li timxi warajh. Li bħalu tagħmel minn ħajtek għotja għal ħaddieħor, l-aqwa att ta’ mħabba. Tħares lejn Ġesù fuq is-salib tfisser li tkun bħalu bħall-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut biex tagħti l-frott.
Ħajjitna mimlija okkażjonijiet fejn jew nagħżlu l-gosti tagħna biss, li jogħġobna biss, u naqdu l-egoiżmu tagħna, jew niċċaħħdu aħna, dik li Ġesù jseħilha mmutu għalina nfusna, biex nistgħu nħobbu tassew u nagħmlu l-frott.
Is-sabiħ fil-ħajja hu li aħna lkoll nafu nies li huma eżempju ta’ dak li jgħid Ġesù. Jiġuni f’moħħi diversi ġenituri – ommijiet u missirijiet – li hekk għexu u hekk jgħixu l-ħajja tagħhom: bħala għotja ta’ mħabba. Jiġuni f’moħħi diversi għalliema li hekk jgħixu l-missjoni tagħhom – bħal ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut, ħajja ta’ sagrifiċċju, biex jistgħu jagħmlu l-frott.
Meta ngħixu ħajjitna b’din l-imħabba kif għallimielna hu, bħala għotja, hemmhekk inkunu aħna stess ħafna aktar ferħanin, ħafna aktar fil-paċi, u ngħarfu s-sens tal-ħajja.
Irrid insemmi hawnhekk xi ħaġa li kienet fl-aħbarijiet dan l-aħħar u li torbot ma’ din l-għotja ta’ mħabba. Il-Knisja hija favur id-donazzjoni tal-organi – jiġifieri li xi ħadd jiddeċiedi li jħalli l-organi wara mewtu biex, jekk ikun il-każ, bihom jista’ jgħix ħaddieħor. Hija favur dan. Ngħidha għax kien hemm min ta impressjoni żbaljata għal kollox. Li tħalli l-organi wara mewtek biex ħaddieħor jista’ jgħix hija att ta’ mħabba u ta’ solidarjetà. Basta tkun donazzjoni, għotja – għotja ta’ mħabba.
Dan hu li dejjem għandu jmexxina fil-ħajja tagħna: li l-ħajja tkun għotja ta’ mħabba għall-oħrajn biex tista’ tħalli l-frott.
Mhijiex spettaklu
Ix-xewqa fil-bidu tal-Evanġelju hi: “nixtiequ naraw lil Ġesù”. Qegħdin fi żmien meta ma’ Malta kollha naraw diversi rappreżentazzjonijet ta’ Ġesù, speċjalment marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa. Huma sbieħ meta jgħinuna nidħlu aktar f’din l-akbar ġrajja ta’ mħabba.
Imma rridu niftakru li l-ġrajja ta’ Ġesù mhijiex xi spettaklu biex tarah u daqshekk. Tul l-Istorja, u fi żmienna wkoll, hemm it-tentazzjoni li l-ġrajja tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù ssir spettaklu li narawh, li jqanqal fiha xi emozzjonijiet imma mhux bidla tal-qalb biex nemmnu f’Ġesù u nimxu warajh. Żdiedu fi żmienna l-ispettakli li naraw, imma dawn jilħqu l-iskop tagħhom biss jekk jgħinuna nibnu ħajjitna fuq il-ġrajja ta’ Ġesù, u speċjalment billi jkollna fil-qalba ta’ ħajjitna din l-għażla ta’ mħabba li tfisser għotja.
Nitolbu li ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan iż-żmien jgħinuna biex nixbhu aktar lil Ġesù f’ħajjitna, speċjalment f’din l-akbar imħabba.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju