L‑Arċidjoċesi ta’ Malta nediet il‑pubblikazzjoni Sōtēr (Salvatur), li tiġbor flimkien talb komunitarju tradizzjonali tar‑Randan, il‑Ġimgħa Mqaddsa u l‑Għid. It‑talb hu miktub f’forma poetika u artistika. Permezz ta’ dan il‑ktieb, il‑qarrej hu mistieden jirrifletti dwar is‑sbuħija tal‑passjoni tal‑Mulej u d‑dawl tal‑qawmien tiegħu minn lenti kontemporanja. Il‑meditazzjonijiet spiritwali jinkludu l‑Venerazzjoni tas‑Salib, il‑Via Matris, is‑Seba’ Waqfiet, il‑Via Crucis u l‑Via Lucis.

Mal‑meditazzjonijiet hemm ukoll ħames kollezzjonijet ta’ pitturi, kull waħda magħmula apposta minn artisti Maltin sabiex jakkumpanjaw it‑talb. Ix‑xogħlijiet artistiċi huma ta’ Nuntia, Joseph Saliba Saliba u Mark Schembri.

Il‑verżjoni bil‑Malti ta’ Sōtēr tinsab għall‑bejgħ għall‑prezz ta’ €27 mill‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana, il‑ħwienet tal‑kotba Kattoliċi kollha jew minn https://soter.knisja.mt/il‑ktieb.

Aktar tagħrif jinkiseb permezz ta’ [email protected].