F’Diċembru tal-1987, fl-Assemblea tan-Nazzjonijiet Magħquda ġie deċiż li s-26 ta’ Ġunju jkun Jum iddedikat kontra l-abbuż tad-droga u traffikar illeċitu. Ta’ kull sena, madwar id-dinja dan il-jum jiġi osservat u dejjem ikollu tema marbuta miegħu. It-tema ta’ din is-sena hi: ‘Aqsam il-fatti dwar id-droga biex issalva l-ħajjiet’.

Għal dawn l-aħħar 24 sena kemm ilu jiġi ċċelebrat dan il-jum, Caritas Malta ħarġet bil-messaġġi tagħha f’dan il-jum tant importanti. Fil-ħidma tagħha matul is-snin, Caritas ħadmet bis-sħiħ biex il-messaġġi mogħtija minnha jikkumbattu l-miżinformazzjoni u tinkoraġġixxi l-għarfien biex in-nies jagħrfu jgħixu ħajjithom mingħajr il-bżonn tal-użu ta’ sustanzi. Ma titkellimx biss dwar in-natural highs imma wkoll tipprattikahom fid-djar tagħha ta’ rijabilitazzjoni kontra l-abbuż tad-droga.

Nhar l-Erbgħa 30 ta’ Ġunju, Caritas Malta se tkun qed tiċċelebra l-ħajja ta’ 10 persuni li se jiggradwaw wara li temmew programm ta’ rijabilitazzjoni b’suċċess. Fil-ħidma tagħha ma’ dawn il-persuni u oħrajn li jiġu għall-għajnuna, Caritas tkompli bil-ħidma u se tniedi diversi proġetti.

  • Flimkien mal-Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali twaqqaf iċ-Ċentru Terapewtiku tal-Ibwar, servizz uniku f’pajjiżna, li se jilqa’ minuri bi problemi marbuta mad-droga
  • Bis-sapport tal-Awtorità tad-djar fi ħdan il-Ministeru tal-Akkomodazzjoni Soċjali tnieda proġett ġdid ta’ housing speċjalizzat fejn se jiġu megħjuna nisa li jtemmu programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga. Nisa, ommijiet u tfajliet żgħażagħ ħafna drabi jsibuha diffiċli biex jerġgħu jintegraw lura fis-soċjetà għax ikunu bla saqaf fuq rashom u bla familja.
  • Bosk Tama, masġar f’San Blas bl-għajnuna tal-Infrastructure Malta, li fih tħawlu ’l fuq minn 350 tipi ta’ siġar u arbuxelli, bil-għan li meta persuna tkun qed tagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni kontra l-abbuż tad-droga, tħossha fil-paċi waqt li tgħix is-sempliċità billi tapprezza l-ambjent tal-madwar.
  • L-isports ukoll hu importanti għal Caritas. F’dawn l-aħħar xhur tħabbar tim tal-futbol tal-Caritas magħmul minn madwar 20 persuna li temmew il-vjaġġ ta’ rijabilitazzjoni. It-team bħalissa qed jipparteċipa fil-Malta Beach Soccer Association bil-kollaborazzjoni tal-MFA.
Iċ‑ċentru terapewtiku għaż‑żgħażagħ ‘Tal‑Ibwar’ immexxi minn Caritas, f’Ta’Kandja

Dan il-Jum internazzjoni għandu jkompli jfakkar is-sens ta’ responsabbiltà mhux li għandha Caritas biss imma s-soċjetà inġenerali. Dawn l-aħħar xhur Caritas uriet u tkellmet bla waqfien dwar it-tħassib tagħha dwar l-użu rikreattiv tal-Cannabis u l-White Paper biex tirregola dan l-użu. Fid-dawl tat-tema ta’ din is-sena, ‘Aqsam il-fatti dwar id-droga biex issalva l-ħajjiet’,Caritas twiegħed li tkompli taħdem b’kull mezz favur il-ħajja pożittiva u wkoll taqsam l-għarfien sħiħ dwar is-sustanzi inkluż il-periklu u l-ħsara li jġibu magħhom b’mod speċjali fejn jidħol il-ħarsien xieraq tat-tfal u ż-żgħażagħ fis-soċjetà Maltija.

Filwaqt li Caritas Malta tirrikonoxxi l-emendi li qed isiru fil-liġi favur persuni li huma dipendenti biex ma jispiċċawx il-ħabs, temmen li dawn għandhom jiġu ggwidati għall-għajnuna. Tħeġġeġ ukoll lill-Awtoritajiet, biex qabel ma jaslu għal deċiżjonijiet dwar liġijiet dwar l-użu ta’ dawn is-sustanzi, jagħmlu studju akkurat u jitkellmu mal-istakeholders speċjalizzati fil-qasam u jiksbu l-għarfien dwar il-ħsara li jagħmlu dawn is-sustanzi fuq is-soċjetà inġenerali, b’mod speċjali fuq l-adolexxenti u ż-żgħażagħ tagħna.