Dawk li jgħaddu minn Triq il-Merkanti jinnutaw li ntrama tower crane fuq is-sit fejn se tinbena s-Sala tal-Arazzi, flimkien ma’ taraġ spirall u piston lift li se jkunu uniċi f’Malta. Għalkemm ix-xogħol mhux daqstant viżibbli għall-pubbliku, diġà sar ammont konsiderevoli ta’ xogħol u preparamenti kbar. Il-konsulenti tal-Fondazzjoni, AP Valletta u EM Architects qed jaħdmu flimkien biex ilestu dan il-proġett.

Primarjament diġà saru testijiet ġeoloġiċi sabiex jassiguraw li l-pedamenti li fuqhom se tinbena s-Sala tal-Arazzi jkunu adegwati. Biex il-bini jkun skont l-istandards attwali, l-art se tissaħħaħ b’ħajt li jikkonsisti f’kolonni tal-konkrit mħaffra fl-art f’partijiet speċifiċi. Naturalment, ħafna aktar studji u informazzjoni dwar l-inġinerija strutturali kienet neċessarja. B’kollox, 170 kolonna tal-konkrit se jitqiegħdu fil-pedamenti biex jipproteġu l-materjal storiku li xi darba kien jintuża bħala post għad-dfin. Riċerki u investigazzjonjiet estensivi tnedew biex jiġi assigurat li l-ebda materjal storiku ma jintilef. Għal dawn l-aħħar sentejn, l-eskavazzjoni saret kollha bl-idejn, u saret minn grupp ta’ arkeologi taħt is-supervizjoni tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali (SCH) li kienet ta’ gwida biex tintegra u tipproteġi kwalunkwe fdalijiet.

Il-proġett tar-restawr u l-kostruzzjoni ta’ żoni ġodda, kien jinvolvi interventi f’wieħed mill-aktar monumenti storiċi f’Malta. Saru wkoll diskussjonijiet kontinwi mal-Awtorità tal-Ippjanar, is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, Transport Malta u l-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Ħwienet tal-Belt. B’hekk, id-deċiżjonjiet ittieħdu biex jiġi assigurat għarfien sod tas-sit. Tibdiliet mill-permess oriġinali hu suġġett għall-approvazzjoni mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, tal-Awtorità tal-Ippjanar u l-UNESCO.

Il-pedamenti ġodda u l-kostruzzjoni tas-Sala tal-Arazzi u xogħlijiet oħra ta’ restawr ġew fdati lil AX Construction Ltd li bdew f’April li għadda. Sal-lum sar progress sinifikattiv, b’installazzjoni ta’ rinforz bl-azzar sabiex iservu ta’ bażi għall-kolonni qabel ma jingħata l-konkrit.

Waqt l-investigazzjonjiet, ġew sottomessi offerti għal xogħlijiet fiż-żona fejn ġejja l-‘Caravaggio Wing’. L-ewwel sular jikkonsisti f’sala li se tesebixxi l-pittura ta’ ‘San Ġilormu’ minn Caravaggio, u spazju awdjo-viżiv li se juri l-istorja tal-artist u l-waqfa tiegħu fil-gżira. Fit-tieni sular, sala li fiha se tiġi projettata l-pittura tal-‘Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann il-Battista’. Ix-xogħol wasal fi tmiemu u l-Wing se jinfetaħ fi żmien qasir. Ir-restawr tal-kripta taħt l-oratorju u l-ispazji ta’ taħt l-art se jinbeda dalwaqt. Flimkien mal-Caravaggio Wing, ir-rijabiltazzjoni ta’ dawn iż-żoni huma parzjalment finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dawk strutturali.

L-għan tal-mużew il-ġdid hu li jutilizza l-bini maġenb il-Konkatidral biex jilqa’ fih l-artifatti li preżentament jinsabu maħżuna. L-estensjoni tax-xogħlijiet tinkludi ir-rijabilitazzjoni taż-żoni eżistenti tal-livell ta’ taħt l-art, ir-restawr tal-Kripta ta’ Bartolott, il-kostruzzjoni tas-Sala tal-Arazzi, il-‘Caravaggio Wing’, żona għad-dħul/ħruġ u servizz tal-bijetti minn Triq il-Merkanti, li se tissepara l-Mużew minn mal-Knisja.