Il-Kelma tal-Arċisqof

Ħażin li jkollna l-aġendi personali tagħna fil-Knisja li huma mbiegħda ħafna mill-aġenda ta’ Ġesù

Quddiesa fil-ftuħ tas-Sena Skolastika

  Il-Knisja Arċipretali ta’ San Publiju, il-Furjana

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jikkonfronta l-ambjent addottiv tiegħu, Korażajn, Betsajda, bir-responsabbiltà li għandu. Nistgħu nieħdu wkoll il-Kelma tiegħu bħala stedina għal kull wieħed u kull waħda minna. Il-providenza taċ-ċirkustanzi fil-ħajja, li kull wieħed u kull waħda minna tatna missjoni fil-Knisja. Kulħadd hu importanti, kulħadd għandu rwol essenzjali biex il-komunità ta’ dawk li jemmnu f’Ġesù, li huma wkoll konxji bid-dgħufija u d-dnubiet tagħhom, ilkoll kemm aħna nkunu xhieda tal-imħabba li rċevejna, li nkunu xhieda tal-imħabba ta’ Ġesù fid-dinja… Kompli aqra »

Umiltà, solidarjetà u ħarsien – L-Arċisqof f’Jum l-Indipendenza

  Il-Konkatidral ta' San Ġwann, il-Belt Valletta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

F’Jum l‑Indipendenza 2022 ippermettuli naqsam magħkom tliet ħsibijiet ispirati mill‑Kelma ta’ Alla li qrajna llum (Lq 14:1,7‑14). Fl‑Evanġelju meħud minn San Luqa, Ġesù jirrakkomanda lill‑mistednin biex ma jfittxux l‑aħjar postijiet mal‑mejda, imma jfittxu l‑post umli; imbagħad min stedinhom, ikun hu li jieħu ħsieb ir‑rikonoxximent soċjali u l‑eżaltazzjoni tagħhom.

Nidħlu fil‑politika b’umiltà

Din l‑istedina mhijiex biss stedina għal etikett formali u essenzjali ta’ korrettezza u korteżija imma hija wkoll tagħlima biex f’kulma nagħmlu, b’mod speċjali dak li hu servizz pubbliku, nevitaw il‑marda u l‑kankru tal‑‘arriviżmu’, jiġifieri li ninqdew bil‑politika biex naslu l‑ewwel u jkollna rikonoxximent u nistagħnew… Kompli aqra »

Nitolbu lill-Mulej biex inkunu bħal ommu li semgħet il-kelma u għamlitha – L-Arċisqof

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan il-kliem li jinstema’ pjuttost iebes għalina għax donnu Ġesu mhux qed jagħti ċans lil ommu biex tarah u anke lill-familjari tiegħu lil ħutu biex jarawh. Imma hu b’dan il-kliem jagħżel il-familja l-ġdida tiegħu li huma dawk li jisimgħu l-kelma u jagħmluha (Lq 8:21). 

Aħna min jaf kemm nisimgħu l-kelma imma mhux dejjem nagħmluha. Imdawlin minn dan l-Evanġelju ejjew nitolbu lill-Mulej biex inkunu bħall-mamà tiegħu li semgħet il-kelma u għamlitha… Kompli aqra »

Il-verità u s-sbuħija ma jinxtrawx bil-flus – L-Arċisqof

Quddiesa tal-25 Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

  Il-Kappella ta' Santa Marija f'Bir Miftuħ, il-Gudja

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jpoġġilna għażla diffiċli llum quddiemna: il-flus jew hu. Diffiċli ħafna anke għax aħna nifhmu li l-flus għandna bżonnhom. Imma li taħli ħajtek – ħa nuża din il-frażi ‘taħli ħajtek’ – li tiġri wara l-flus, mingħajr ma tgawdiha, hi bluha kbira. Għax donnu taħseb li l-ħajja mhu se tispiċċa qatt, ma jasal qatt il-mument meta trid tagħti kont tal-amministrazzjoni tiegħek… Kompli aqra »

L-Arċisqof dwar ir-Reġina Eliżabetta II: eżempju sabiħ ta’ kif tkun mexxej mingħajr ħafna storbju

Quddiesa De Requiem għar-Reġina Eliżabetta II

  Il-Konkatidral ta' Ġwann, il-Belt Valletta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Jekk xi ħadd irid jaqdini, għandu jimxi warajja” (Ġw 12:26). Aħna u nirringrazzjaw lill-Mulej għax-xhieda sabiħa tar-Reġina Eliżabetta II u noffru din il-quddiesa b’suffraġju għal ruħha, irridu nsellmu wkoll dixxiplu fidil tal-Mulej.

Meta fl-1953 għamlet messaġġ fl-okkażjoni tal-inkurunazzjoni tagħha, hi talbet lis-sudditi tagħha u liċ-ċittadini kollha tal-Commonwealth dan il-pjaċir: “I want to ask you all, whatever your religion may be, to pray for me on that day—to pray that God may give me wisdom and strength to carry out the solemn promises I shall be making, and that I may faithfully serve Him and you, all the days of my life… Kompli aqra »

Il-qawwa tas-sinjal tas-salib – L-Arċisqof

Quddiesa fil-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib

  Il-Knisja ta' Ġieżu, il-Belt Valletta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Huwa Ġesù stess li jqabbel lilu nnifsu mas-serp tal-bronż, li Mosè refa’ fid-deżert biex ikun sinjal ta’ fejqan għall-poplu kollu. “Kif Mosè refa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-Bniedem” (Ġw 3:14). Illum, fil-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, naqraw dan l-Evanġelju. Il-kelma ‘eżaltazzjoni’ tfisser ‘irfigħ’, jiġifieri li tintrefa’ ’l fuq. Nużawha wkoll għall-glorja ta’ xi ħadd. Ġesù jgħaqqad l-glorja tiegħu, l-eżaltazzjoni tiegħu, proprju mat-tislib tiegħu fuq l-Għuda… Kompli aqra »

Il-ferħ tal-ħniena ta’ Alla hu meta jkun jista’ jħaddanna miegħu mill-ġdid – L-Arċisqof

Quddiesa fl-24 Ħadd taż-Żmien ta' matul is-Sena

  Is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba, Birkirkara

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Hi grazzja kbira li nisimgħu dawn it-tliet parabboli li Ġesù jagħżel biex jispjega lill-Fariżej xi tfisser il-ħniena ta’ Alla għal kull wieħed u waħda minna. “Il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: ‘Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom’” (Lq 15:1-2).

F’dan il-kuntest Ġesù jipprova jispjega lil dawn il-kittieba u l-Fariżej għaliex hu għażel li jilqa’ għandu lill-midinba, għaliex għażel li jiekol magħhom… Kompli aqra »

X’qed nagħmlu bil-patrimonju tagħna? – L-Arċisqof

Quddiesa fil-festa tat-Twelid tal-Verġni Marija

  Il-Konkatidral ta' San Ġwann, il-Belt Valletta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Bħal-lum dejjem nisimgħu din il-lista ta’ ismijiet li jwasslu minn Abraham sa Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija. Nistgħu nistaqsu: imma għaliex fil-festa solenni tat-twelid ta’ Marija naqraw l-arblu tar-razza ta’ Ġużeppi? “Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Krisu, bin David, bin Abraham” (Mt 1:1). Dan hu t-titlu li l-Evanġelista San Mattew jagħti lil din il-lista ta’ ismijiet, ismijiet li għalina huma strambi.

Nistgħu ngħidu li hemm ħsieb li jista’ jolqotna propju f’dan il-jum meta nifhmu li t-twelid ta’ Ġesù minn Marija u anke t-twelid tagħha, hemm tradizzjoni li tgħid li anke hi kienet min-nisel ta’ David, għandha l-għeruq tiegħu… Kompli aqra »

“Quddiem il-ħażen u l-inġustizzja ma tistax tkun newtrali!” – L-Arċisqof

Quddiesa lejlet il-festa tal-Vitorja

  Il-Knisja Kolleġġjata ta' San Lawrenz, il-Birgu

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-għażla ta’ din il-knisja għażiża għandha sinifikat profond din is-sena. Ilkoll nafu li l-Birgu jew il Borgo del Castello, ingħata wkoll tat-titlu Città Vittoriosa minħabba dak li qed niċċelebraw illum u għada: il-ħelsien mill-Assedju tal-1565. Bħal-lum aħna nfakkru wkoll it-tmiem tat-trawma kbira li għalina kienet it-Tieni Gwerra Dinjija; il-kapitulazzjoni tal-flotta navali Taljana fil-Port il-Kbir fis-7 ta’ Settembru tal-1943… Kompli aqra »

Ir-ruħ li tixtieq tara ’l Ġesù qed titgħallem titkellem il-lingwaġġ tal-imħabba – L-Arċisqof

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Anke Erodi t-Tetrarka, titnissel fil-qalb tiegħu kurżità biex jara lil Ġesù (ara Lq 9:9). U għaliex? Għaliex kien sema’ dwar il-fejqan li kien qed jagħmel l-Imgħallem li kien qiegħed ukoll iwassal lill-poplu ta’ Alla f’isem il-Mulej.

Fl-Evanġelju ta’ San Luqa nsibu kemm-il darba riferiment għall-qawwa li kienet toħroġ minn Ġesù, għall-fatt li kien jitkellem bħal bniedem li għandu l-awtorità, għall-qawwa li kellu fuq ix-xjaten, fuq il-mard, fuq l-elementi tan-natura… Kompli aqra »