Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-sena xtaqt li nwassal il-messaġġ għal dawn il-jiem qaddisa tal-Milied minn knisja ċkejkna, imma għażiża ħafna għalina l-Maltin u l-Għawdxin. Qiegħed fil-knisja tal-Griegi, kif nafuha, fi Triq l-Arċisqof il-Belt Valletta, mhux ’il bogħod, anzi ftit passi ’l bogħod mill-Palazz tal-Gran Mastru, is-sede uffiċjali tal-President tar-Repubblika.

F’din il-knisja, li hi afdata lill-komunità tal-Griegi Kattoliċi Maltin, għandna ikona prezzjuża ħafna li ilha fostna mill-1530, kważi 500 sena u ġabuha l-Kavallieri magħhom, ġabitha familja li ġiet mal-Kavallieri mill-gżira Griega ta’ Rodi. Din l-ikona magħrufa bħala Sidtna Marija ta’ Damasku jew ‘id-Damaxxena’ li nkitbet madwar 900 sena ilu. Nixtieq li kull min ikun għaddej il-Belt u jsib il-knisja miftuħa, jidħol u jinvista ’l din ix-xbieha sabiħa tal-omm bit-tifel tagħha Ġesù jgħannaq ’il ommu. Jiena taffaxxinani ħafna din l-ikona ta’ Sidtna Marija Damaxxena, it-tgħanniqa tal-Bambin ma’ ommu Marija, kważi mhux biss iħaddanha imma propju jrid li ma taħrablux ommu u hi t-tħaddina tal-għożża, tat-tenerezza.

Il-Papa Franġisku, meta kien fostna, kellimna mhux biss bil-fomm imma anke bil-ġesti tiegħu dwar l-istil tal-Evanġelju, l-istil ta’ ħniena, ta’ tenerezza, ta’ għożża imma anke ta’ viċinanza. Din l-ikona sabiħa tal-Madonna Damaxxena b’xi mod tesprimi dan l-istil tal-Evanġelju. Il-Madonna b’għajnejha kbar qed tħares lejna u tistedinna biex ma niddejqux nersqu lejn Binha. Imma Binha qed iħaddan l-omm bħal kull tarbija li tfittex l-għożża, il-kenn, il-faraġ fl-omm.

Fil-jiem tal-Milied nixieq nawgura lil kull wieħed u waħda minna l-esperjenza sabiħa li nersqu lejn il-Mulej li jiġbidna lejh bi rbit ta’ mħabba u ta’ ħniena: “Bi mħabba kbira ħennejt għalik”. Din il-kelma sabiħa li jagħtina l-profeta Iżaija tesprimi wkoll il-misteru kbir li qegħdin niċċelebraw lil hemm mix-xinxilli, mid-dwal, mit-tiżjin, mill-festini. Ejjew dan il-lejl qaddis, dan il-jum qaddis niftakru fl-għożża tat-tħaddina tal-ħniena ma’ Alla u nużaw ukoll l-għożża ma’ xulxin.

Kemm hu tajjeb li jkollna l-istess ħlewwa għal xulxin anke meta ma naqblux bejnietna. Niftakru li ommna li tatna isimha, hi art ta’ ħlewwa, art ħelwa.

Nixtieq ukoll infakkar f’dan il-messaġġ qasir tiegħi din is-sena f’ċentinarju għażiż u importanti għalina l-Maltin u l-Għawdxin. Kien is-27 ta’ Diċembru 1922, propju 100 sena ilu, meta ndaqq għall-ewwel darba fit-Teatru Manoel l-Innu Malti, kompożizzjoni mużikali ta’ Robert Samut, imma wkoll bil-kliem meqjus u għażiż din it-talba li tana l-poeta nazzjonali Dun Karm.

Nixtieq nitlob fuq Malta tagħna li l-Mulej ikompli jħares lejna b’ħarsa ta’ ħniena, li niftakru fil-ħlewwa ta’ Malta. Wara kollox dawn il-kelmiet ‘ħarsien’ u ‘ħlewwa’ jfakkru fl-etimoloġija, fit-tifsira tal-kelma ‘Malta’. Malta li ġejja mill-għasel u l-ħlewwa tal-għasel, kemm hu tajjeb li jkollna l-istess ħlewwa għal xulxin anke meta ma naqblux bejnietna. Niftakru li ommna li tatna isimha, hi art ta’ ħlewwa, art ħelwa.

U lill-Mulej nitolbuh jiftakar li dejjem ħares lil Malta, mhux biss ħares lejna b’ħarsa ta’ ħniena imma ħarisna. Aħna konna minn dejjem refuġju. Kelma oħra tat-tifsira ta’ Malta hi li huwa post ta’ kenn, post ta’ ħarsien bħalma jrid ikun ukoll il-ġuf tal-omm: post ta’ ħarsien. U nitolbu li l-Mulej mhux biss ifakkarna li libbes lilna lil Malta tagħna bid-dawl ħelu, bl-oħla dawl tal-kelma tiegħu u tal-Evanġelju permezz tal-Appostlu Missierna San Pawl, imma nitolbuh jagħti dehen lill-Maltin, jagħti saħħa, jagħti ħniena. Fuq kollox jagħti d-don tal-għaqda.

Jiena u ningħaqad magħkom biex infakkar l-ewwel ċentinarju tal-Innu Malti ningħaqad ukoll mal-poplu tagħna biex lil Alla nitolbuh kull barka fuq pajjiżna. U jiena wkoll nixtiqilkom u nawguralkom sena ta’ għożża, ta’ ħniena, ta’ viċinanza lejn xulxin taħt id-dell sabiħ tal-ħarsa tal-omm ta’ Ġesù, tal-omm tal-għożża, it-tenerezza, omm tal-ħniena.

Nixtieq nagħmel tislima partikolari lill-Maltin u l-Għawdxin li jinsabu jgħixu residenti jew emigrati f’pajjiżi barra minn xtutna. Mhux biss it-tislima tiegħi hi tislima ta’ wieħed minn ħutkom, imma wkoll ta’ Malti bħalkom li ma nistgħux ninsew l-għeruq tagħna.

Waqt li qegħdin infakkru l-ewwel ċentinarju tal-Innu Malti, ejjew niftakru f’din l-art ħelwa li tatna isimha. Niftakru wkoll f’dak id-dawl li biha l-Mulej libbisha. U nagħmlu li l-isem tagħna l-Maltin u l-Għawdxin ikun dejjem isem li jġibilna unur, li jkun preżenza sabiħa fid-dinja. Minkejja ċ-ċokon tagħna, aħna għandna wkoll is-sejħa li fil-familja tal-umanità nkunu preżenza ta’ ħarsien u ta’ ħlewwa.

Mill-qalb nawgurawlkom Milied hieni u sena mimlija risq u barka.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta