Pro-business akkost ta’ kollox jew pro-komunità?
Reazzjoni mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent
28/09/2018-
Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) bħal għadd kbir ta’ ċittadini oħra, għadha maħsuda bid‑deċiżjoni tal‑Awtorità tal‑Ippjanar (PA) li tapprova l‑proġett estensiv ta’ db Group fil‑Bajja ta’ San Ġorġ. Bħalma għamlu ċittadini oħra li bħalha kienu inkwetati bil‑proposta ta’ dan il‑proġett, il‑KA kienet bagħtet l‑oġġezzjonijiet tagħha fit‑30 ta’ Mejju 2018.[1] Issa li d‑deċiżjoni ttieħdet, aktar milli toqgħod tirrepeti dawn l‑oġġezzjonijiet, il‑KA tħoss li jkun aktar f’waqtu tpoġġi għadd ta’ mistoqijiet li fil‑fehma tagħha jixirqilhom ikunu mwieġba:
- Kif tista’ l‑PA torbot deċiżjoni bħal din mal‑missjoni tagħha li “taġixxi f’isem il‑komunità biex tipprovdi ambjent bilanċjat u sostenibbli,”[2] meta wieħed iqis li ġew injorati eluf ta’ oġġezzjonijiet kontra dan l‑iżvilupp? …