Fit-tliet xhur li ġejjin, bejn Lulju u Settembru, il-Papa Benedittu XVI se jkun qed jagħmel żjara pastorali fi Frascati u vjaġġ appostoliku lejn il-Libanu.
Il-kalendarju taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, li jistabbilixxi ċ-ċelebrazzjonijiet li se jkun qed jippresiedi l-Kap tal-Knisja Kattolika, jindika li fil-15 ta’ Lulju, il-ħmistax-il Ħadd ta’ Matul is-Sena, il-Papa se jagħmel żjara pastorali fi Frascati, fejn se jiċċelebra l-ewkaristija fid-9.30am.
Nhar l-Erbgħa 15 t’Awwissu, solennita tal-Assunta, Benedittu XVI se jiċċelebra l-ewkaristija fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Tumas ta’ Villanova f’Castelgandolfo.
F’Settembru mbagħad, il-kalendarju tal-Papa se jkun karatterizzat mill-vjaġġ appostoliku li se jagħmel lejn il-Libanu, bejn l-14 u s-16-il jum tax-xahar.