Vatican media

Il-Vatikan ħabbar li minn tmiem ix-xahar ta’ Lulju li ġej, is-servizz tal-Vatican Information Service, VIS, mhux se jibqa’ jiffunzjoni bħala uffiċċju li jipprovdi informazzjoni li pero jkun separat mill-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede.

Naturlament se jibqa’ jkun hemm Bulettin mill-Uffiċċju Stampa. Xi membri tal-istaff mill-VIS se jkunu trasferiti mal-portal multilingwi www.news.va li kien twaqqaf sena ilu. Oħrajn se jkunu qed jaħdmu fl-iżvilupp multilingwi tal-bulettin li joħroġ mill-Uffiċċju Stampa.

Il-portal bl-aħbarijiet tal-Vatikan jipprovdi servizz ta’ kuljum bit-Taljan, bl-Ingliż, bl-Ispanjol u bil-Franċiż. S’issa l-Bulettin tal-Uffiċċju Stampa dejjem kien ippubblikat prinċipalment bit-Taljan, sakemm it-testi oriġinali ma kinux f’ilsna oħra. Sadattant, is-servizz tal-VIS, s’issa dejjem kien provdut bl-Ingliż, bit-Taljan u bl-Ispanjol.

L-arkivju ta’ iktar minn 85,000 artiklu f’diversi lingwi, prodott mill-VIS f’madwar 20 sena ta’ operat, se jkunu aċċessibbli fuq is-sit internet tal-Uffiċċju Stampa.

Radju Vatikan ukoll ħabbar xi bidliet. Fi kliem id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa, il-Ġiżwita Federico Lombardi, mill-1 ta’ Lulju se “tinkiteb paġna ġdida fl-istorja tar-Radju Vatikan”. Ir-Radju se jibqa’ jxandar, bl-eċċezzjoni ta’ pajjiżi f’reġjuni fqar tad-dinja. Minflok, se jkun qed jiffoka u jiddedika iktar ħidma u riżorsi għas-servizz ibbażati fuq l-internet, għal trasmissjonijiet bis-satellita u għal teknoloġiji ġodda fil-qasam tal-komunikazzjoni.