Matul ix-xahar ta’ Ġunju, l-Arċidjoċesi ta’ Malta xxandar il-quddiesa kuljum fid-9:30am fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook Malta. Mit-Tnejn sas-Sibt tixxandar it-talba tar-rużarju fuq Knisja.mt, Newsbook Malta, u Facebook u YouTube tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Kull nhar ta’ Ħadd, il-quddiesa tixxandar fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook Malta, l-istazzjon tar-radju RTK 103, u Facebook u YouTube tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

L-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra l-quddies f’dawn il-ġranet:

Is-Sibt 1 ta’ Ġunju, fis-6:30pm, l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil-bidu tal-ħidma pastorali ta’ Dun Brian Gialanzè bħala l-kappillan il-ġdid tal-parroċċa ta’ Marija Immakulata Omm il-Knisja f’Tal-Ibraġ.

Il-Ħadd 2 ta’ Ġunju, fid-9:30am, l-Arċisqof jiċċelebra pontifikal fis-Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesù (Corpus Christi) fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Il-pontifikal jixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103. Wara ssir il-purċissjoni bl-Ewkaristija mat-toroq ewlenin tal-Belt.

Il-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju, fl-10am, l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa fl-okkażjoni tal-festa tal-Qalb ta’ Ġesù fil-kappella tas-Soċjetà Filarmonika Vilhena fil-Furjana. Fil-5:30pm waqt quddiesa, l-Arċisqof jiddedika u jikkonsagra l-Knisja ta’ San Franġisk ta’ Assisi tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù fl-Imsida.

Il-Ħadd 9 ta’ Ġunju, fid-9:30am, l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil-Knisja Parrokkjali tas-Salvatur f’Ħal Lija, li tixxandar fuq TVM News+, Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103.

Is-Sibt 22 ta’ Ġunju, fis-7:30pm, l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa pontifikali fl-anniversarju mis-sejħa tal-Madonna lil Karmni Grima fis-Santwarju ta’ Pinu fl-Għarb, Għawdex.

Il-Ħadd 23 ta’ Ġunju, fid-9:30am, l-Arċisqof jiċċelebra pontifikal fil-festa tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, li jixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103. 

Il-Ġimgħa 28 ta’ Ġunju, fis-6pm l-Arċisqof imexxi traslazzjoni f’lejlet is-solennità tal-Martirju ta’ San Pietru u San Pawl mill-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat għall-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina. Wara jmexxi l-ewwel Għasar.

Is-Sibt 29 ta’ Ġunju, fid-9:30am, l-Arċisqof jiċċelebra pontifikal fis-solennità tal-Martirju ta’ San Pietru u San Pawl fil-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina.

Il-Ħadd 30 ta’ Ġunju, fid-9:30am, l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu fil-Gżira.