Wara l-prietka tal-Milied fil-Quddiesa ta’ Nofsillejl tas-sena li għaddiet

Fi żmien il‑Milied l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna se jmexxi għadd ta’ ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Dawn jibdew f’lejlet il‑Milied u huma miftuħin għall‑pubbliku.

Is‑Sibt 24 ta’ Diċembru, Monsinjur Arċisqof imexxi l‑ewwel għasar tal‑Milied u wara jiċċelebra l‑Quddiesa tal‑Vġili f’lejlet il‑Milied, fil‑5:15 p.m. fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.

Wara fil‑11:00 p.m. jibda l‑Uffiċċju tal‑Qari u kant ta’ għanjiet tal‑Milied, u ssir l‑prietka tal‑Milied fil‑Katidral ta’ San Pawl fl‑Imdina. F’nofsillejl, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fis‑Solennità tat‑Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Ix‑xandira fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook.com.mt u fuq l‑istazzjon tar‑radju 103 tibda fil‑11:30 p.m. bil‑prietka tal‑Milied, li din is‑sena se ssir minn tifla.

Il‑Ħadd 25 ta’ Diċembru, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra l‑quddiesa fis‑Solennità tat‑Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu f’Jum il‑Milied fid‑9:30 a.m., fil‑Katidral ta’ San Pawl fl‑Imdina. Din tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook.com.mt u fuq l‑istazzjon tar‑radju 103.

Is‑Sibt 31 ta’ Diċembru, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa ta’ radd il‑ħajr lil Alla fi tmiem is‑sena u fi tmiemha jitkanta t‑Te Deum u tingħata l‑Barka Sagramentali. Din se ssir fis‑5:45 p.m., fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.

Il‑Ħadd l‑1 ta’ Jannar 2023, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fis‑Solennità ta’ Marija Omm Alla u fil‑Jum Dinji tal‑Paċi fid‑9:30 a.m., fid‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi. Din tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook.com.mt u fuq l‑istazzjon tar‑radju 103.