L-Uffiċċju għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja qed iħabbar dati ġodda għall-poloz tad-dħul fl-Iskejjel tal-Knisja. Dawn se jiġu mxandra live fuq www.knisja.mt minn ġo studio mingħajr il-preżenza tal-ġenituri u bl-inqas nies possibbli, minħabba r‑restrizzjonijiet kontra t‑tixrid tal‑coronavirus. Matul it-tlugħ tal-poloz ser ikun preżenti nutar.
L-ewwel poloz li se jsiru huma dawk ta’ parteċipazzjoni, tal-bniet u s-subien, għad-dħul fl-ewwel sena sekondarja. Dawn se jsiru nhar l-Erbgħa, 1 ta’ April 2020. Il-polza tal-bniet tibda fid-9:30am u tas-subien issir eżatt warajha fl-10:30am, jew xħin tispiċċa l-polza tal-bniet jekk din tkun għadha ma spiċċatx sa dak il-ħin. Agħfas hawn biex tara t-trasmissjoni ta’ din il-polza.
Il-polza ta’ parteċipazzjoni tal-bniet tal-ewwel sena pimarja se ssir nhar il-Ħamis, 2 ta’ April 2020, u tibda fid-9:30am. L-iskeda bid-dati ta’ kull polza tinsab hawn taħt. Agħfas hawn biex tara t-trasmissjoni ta’ din il-polza.
Il-filmati tal-poloz jibqgħu aċċessibbli online anki wara li tispiċċa x-xandira tagħhom. Ir-riżultati tal-poloz jittellgħu online l-għada ta’ kull polza, fuq il‑paġna tal‑Iskejjel tal‑Knisja. Il-lista tal-parteċipanti tal-poloz tinsab hawnhekk.
Għal iktar tagħrif il-pubbliku jista’ jibgħat email fuq [email protected] jew iċempel fuq 7999 0224.
Skeda tal-poloz:
Dati u ħin | Poloz | Sena |
L‑Erbgħa 1 ta’ April, 9:30am | Parteċipazzjoni | Form 1 Bniet |
L‑Erbgħa 1 ta’ April, 10:30am | Parteċipazzjoni | Form 1 Subien |
Il‑Ħamis 2 ta’ April, 9:30am | Parteċipazzjoni | Primarja 1 Bniet |
L‑Erbgħa 8 ta’ April, 9:30am | Għażla tal‑Iskola | Form 1 Bniet |
L‑Erbgħa 8 ta’ April, 10:15am | Għażla tal‑Iskola | Form 1 Subien |
L‑Erbgħa 15 ta’ April, 9:30am | Għażla tal‑Iskola | Primarja 1 Bniet |
Il‑Ġimgħa 17 ta’ April, 9:30am | Parteċipazzjoni | Primarja 1 Subien |
L‑Erbgħa 22 ta’ April, 9:30am | Għażla tal‑Iskola | Primarja 1 Subien |
L‑Erbgħa 22 ta’ April, 11:00am | Parteċipazzjoni | Kinder 2 Bniet |
It‑Tlieta 28 ta’ April, 9:30am | Għażla tal‑Iskola | Kinder 2 Bniet |
It‑Tlieta 28 ta’ April, 11:15am | Għażla tal‑Iskola | Kinder 2 Subien * |
L‑Erbgħa 6 ta’ Mejju, 9:30am | Għażla tal‑Iskola | Kinder 1 Subien * |
L‑Erbgħa 6 ta’ Mejju, 12:00pm | Għażla tal‑Iskola | Kinder 1 Bniet * |
Id-data tal-Poloz tal-Każijiet Serji għad trid titħabbar.
*M’hemmx Polza ta’ Parteċipazzjoni f’din is-sezzjoni għax m’hemmx applikanti minn skola bla kontinwità u/jew applikanti li l-ġenituri tagħhom jaħdmu fi skola tal-Knisja fejn it-tfal ma jistgħux jattendu. Pereżempju ġenitur jaħdem fi skola tas-subien u bintu ma tistax tmur fl-istess skola fejn jaħdem hu u għalhekk tmur fi skola oħra tal-Knisja.
L-applikanti l-oħra jieħdu sehem fil-polza tal-Għażla. Fejn m’hemmx polza ta’ parteċipazzjoni, l-applikanti l-oħra jieħdu sehem fil-polza tal-Għażla. Jagħżel skola min ikun quddiem, sakemm hemm postijiet vojta.