Nhar it-Tlieta, 23 ta’ Marzu, 2010, ġiet mogħtija konferenza tal-aħbarijiet mil-Kumitati Organiżżattivi. Dettalji dwar il-Quddiesa li se tiġi ċċelebrata mill-QT il-Papa Benedittu XVI, fuq il-Fosos tal-Floriana, nhar il-Hadd 18 ta’ April, 2010, ġew mogħtija.
Mons. Charles Cordina, Ko-Ordinatur tal-Kumitat Organiżżattiv Interdjoċesan qal li bħal fi żjarat oħra li għamel il-QT il-Papa Benedittu XVI, l-attivita’ prinċipali tkun dik taċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Mons. Cordina kompla jgħid li qed jistenna parteċipazzjoni qawwija minn naħa tal-pubbliku u semma kif se jkun hemm madwar 5,000 siġġu b’sezzjonijiet apposta riżervati għal dawk ta’l fuq minn 75 sena u persuni li jużaw l-wheelchair. Se jkunu hemm ukoll servizz tas-sign language f’żona apposta.
F’din il-konferenza ġie ppreżentat ukoll id-disinn tat-tribuna b’disinn ta’ Carlo Schembri li bil-kollaborazzjoni tal-Perit Joe Bondin qed jieħdu ħsieb il-bini tat-tribuna u t-tqassim għal fuq il-Fosos. Carlo Schembri qal li t-tribuna ġiet iddisinjata b’tali mod li s-Salib, li se jkun fiċ-ċentru, se jgħaqqad il-pubbliku mal-Papa. Fil-bini tat-tribuna ser jiġi użat materjal riċiklat, inkluż is-sedja li ser juża l-QT il-Papa Benedittu XVI. Il-Perit Joe Bondin spjega wkoll li ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha possibli biex waqt il-bini tat-tribuna ma ssirx ħsara lill-Fosos tal-Floriana.
Tkellem ukoll Fr. Jesmond Manicaro responsabbli mill-liturgija, huwa qal li l-Papa se jagħti lis-santwarju t’Għawdex skultura fil-forma ta’ warda tad-deheb, magħrufa bħala rosa d’oro. Din hija rikonoxxenza mportanti li tingħata mis-Santa Sede lis-santwarji Marjani li għandhom tradizzjoni ta’ pellegrinaġġi. Fl-antik din kienet tingħata mill-Papa lir-rejiet sovrani ta’ pajjiżi Kattoliċi. Il-Papa se jagħti r-rosa d’oro lill-Isqof t’Għawdex Mario Grech, fi tmiem il-Quddiesa.
Silvio Farrugia, Deputat Ko-ordinatur tal-Kumitat Organiżżattiv Nazzjonali, responsabbli mill-loġistika, qal li minħabba l-ammont ta’ nies mistennija għal din l-attivita huwa importanti li l-pubbliku juża t-trasport pubbliku.
Il-Quddiesa ser tibda fil-10.00 ta’ filgħodu bil-Q.T. il-Papa Benedittu XVI jasal ftit qabel u jgħaddi minn fost il-folla permezz tal-Popemobil. Il-Papa Benedittu XVI ser joħrog għall-quddiesa mill-Knisja ta’ San Publiju, bil-purċissjoni tgħaddi minn fost il-pubbliku. Wara l-quddiesa, il-Papa ser jgħid it-talba tar-Regina Ceoli, talba li ssoltu tingħad mill- Papa minn Pjazza San Pietru. Din il-Quddiesa ser tixxandar live minn il’fuq minn 60 stazzjon madwar id-dinja.
Kull min għandu bżonn informazzjoni dwar din l-attivita jew dwar il-programm taż-żjara tal-Papa f’Malta jista jċempel Infoline 188 jew jibgħat email fuq : [email protected]
Għal aktar informazzjoni dwar iż-żjara tal-Papa żur is-sit: www.popemalta.org
Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti ta’ din l-attivita’ jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]
Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.