Ir‑regolamenti għad‑Dħul fl‑Iskejjel tal‑Knisja għas‑sena skolastika 2020 ‑ 2021 ġew ippubblikati (agħfas hawn biex taċċessa r-regolamenti). B’kollox ser ikun hemm 1,528 post vakanti għall‑istudenti. L‑applikazzjonijiet jistgħu jsiru online jew f’xi wħud mill‑iskejjel tal‑Knisja kif indikat fir‑regolamenti. L‑applikazzjonijiet tal‑ewwel kriterju jsiru f’Novembru 2019, l‑applikanti l‑oħra jsiru f’Jannar u Frar tal‑2020.

Il‑proċess tad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja jiddetermina d‑dħul fl‑ewwel u t‑tieni sena kindergarten, fl‑ewwel sena primarja u fl‑ewwel sena sekondarja. Lista tad‑dokumenti meħtieġa, il‑ġranet meta wieħed għandu japplika u aktar dettalji huma mniżżla fir‑regolamenti li jinsabu online.

L‑applikazzjonijiet tal‑ewwel kriterju jinkludu tfal li huma fi djar tal‑Knisja, tfal tal‑impjegati tal‑iskejjel tal‑knisja, aħwa li jistgħu jinkitbu fl‑istess skola ta’ ħuthom u tfal li qegħdin fi skejjel tal‑Knisja bla kontinwità. L-applikanti l-oħra huma l-applikazzjonijiet għat-tfal li ma jaqgħux taħt l-ewwel kriterju u li l-ġenituri tagħhom jixtiequ li dawn jidħlu fi skola tal-Knisja.

Ser jiġu allokati wkoll numru ta’ postijiet lil tfal ikkunsidrati bħala każijiet serji u li għalihom hemm regolamenti speċifiċi. Il‑każijiet serji jinkludu tfal li għandhom jew ser ikollhom bżonn l‑għajnuna ta’ LSE, każijiet soċjali u każijiet ta’ tfal tal‑ażil. Il‑każijiet serji jsegwu proċess parallel għall‑applikazzjonijiet l‑oħra.

In‑numru ta’ postijiet vakanti għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja għas‑sena skolastika 2020 ‑ 2021 huwa kif ġej:

Sena Postijiet Vakanti Subien Postijiet Vakanti Bniet Total Postijiet Vakanti
L‑ewwel sena kindergarten 62 70 132
It‑tieni sena kindergarten 114 349 463
L‑ewwel sena primarja 365 244 609
L‑ewwel sena sekondarja 255 69 324
TOTAL 796 732 1,528

Għas‑sena skolastika li għadha kif bdiet (2019 ‑ 2020), fl‑iskejjel tal‑Knisja applikaw 3,687 student li minnhom intlaqgħu 1,607 fid‑diversi livelli. Għal darb’oħra, it‑talba kienet aktar mid‑doppju tal‑postijiet disponibbli fl‑iskejjel tal‑Knisja.