Ċirkulari tal-Kurja tal-Arċisqof, maħruġa mill-Isqof Charles J. Scicluna, Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali tgħid li l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. jixtieq ifakkar li, sabiex is-Saċerdoti u r-Reliġjużi kollha jkunu jistgħu jaqdu dejjem tajjeb il-missjoni tagħhom fil-Knisja u fis-Soċjetà, u jibqgħu dejjem sinjal u strument ta’ għaqda u mħabba fil-komunità:

1) F’ebda żmien m’għandhom jattendu ‘meetings’ u attivitajiet oħra politiċi.

2) Skond in-Normi tal-Konferenza Episkopali Maltija dwar l-użu ta’ mezzi tal-komunikazzjoni soċjali, m’għandhomx jieħdu sehem fi programmi jew xandiriet politiċi, jew jiktbu f’gazzetti jew perjodiċi politiċi, jew jieħdu sehem f’’programmi mxandra fuq stazzjonijiet ta’ radju jew televiżjoni mmexxija minn partiti politiċi, ħlief biss fejn is-sehem jew programm tagħhom ikun ta’ natura reliġjuża u bil-permess ta’ l-Ordinarji tagħhom.

3) Ma għandux jiġi ċelebrat quddies f’okkażjonijiet jew ċirkostanzi li jkollhom xi konnessjoni ma’ attivitajiet jew partiti politiċi.

4) Bi kliemhom u egħmilhom għandhom jispiraw sentimenti ta’ fraternità, imħabba, komprensjoni u tolleranza.

Iċ-ċirkulari tgħid ukoll li sa nhar is-Sibt, 9 ta’ Marzu, fil-quddies kollu għandha tiżdied din l-invokazzjoni fit-Talba tal-Fidili: “Mulej, għinna nagħżlu mexxejja xierqa għal pajjiżna li bl-għerf u s-sabar ifittxu l-ġid veru tagħna f’din id-dinja mill-aħjar li jistgħu” (Talbiet tal-Fidili, Vol. I, p.153).