L‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed tippubblika direttivi li jidħlu mis‑seħħ mil‑lum il‑Ħamis, 11 ta’ Marzu sal‑Ħadd, 11 ta’ April 2021. Dan wara li lbieraħ filgħaxija tħabbar li fis‑sitwazzjoni preżenti l‑Knisja qed twaqqaf il‑funzjonijiet reliġjużi biex tiġi mħarsa s‑saħħa tal‑poplu.

Id‑direttivi l‑ġodda jistabilixxu li l‑knejjes jistgħu jiftħu għall‑qima tal‑pubbliku għalkemm mhux permess li jsir quddies jew xi attività reliġjuża oħra bil‑preżenza tan‑nies. Jistgħu jsiru biss funerali u żwiġijiet b’numru ristrett ta’ nies waqt li jitħarsu l‑miżuri kollha stipulati għall‑quddies. L‑ammont ta’ nies li jistgħu jattendu jvarja skont il‑kobor tal‑knisja iżda m’għandux ikun ta’ aktar minn 100 persuna.

Dwar il‑magħmudijiet, il‑Knisja qed tħeġġeġ lill‑ġenituri sabiex dawn isiru wara l‑11 ta’ April 2021. Jekk għal xi raġuni l‑magħmudija trid issir qabel din id‑data, għandu jsir biss ir‑rit tal‑magħmudija mingħajr il‑quddiesa u b’numru żgħir ta’ nies. It‑tqarbin tal‑morda fid‑djar ser jibqa’ sospiż ħlief f’każijiet fejn il‑kundizzjoni medika tal‑persuna tkun kritika.

Dwar l‑uffiċċju parrokkjali d‑direttivi jispjegaw li dawn għandhom jiftħu biex joffru biss servizzi essenzjali, preferibilment b’appuntament. Fejn hu possibbli s‑servizz għandu jingħata permezz tat‑telefown jew online.

Fuq il-website uffiċjali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Knisja.mt qed tiġi ppubblikata lista aġġornata bil-Ħinijiet tal-Ftuħ tal-Knejjes prinċipali.