L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Andrè Zaffarese bħala Direttur tal‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali. Huwa se jieħu post Dun Jimmy Bonnici li kien ilu jservi f’din il‑kariga mill‑2017.
L‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali twaqqaf bħala risposta għas‑sejħa li ħarġet mis‑Sinodu Djoċesan tal‑2003 sabiex tiġi promossa u kkoordinata l‑formazzjoni tal‑Insara. L‑għan tal‑istitut hu li jipprepara Nsara għall‑ħtiġijiet attwali tas‑soċjetà tal‑lum. Kull sena, l‑istitut joffri diversi inizjattivi ta’ formazzjoni formali u informali li jvarjaw minn korsijiet għal diskussjonijiet.
Dun Andrè Zaffarese twieled fl‑1983 u ġie ordnat saċerdot fl‑2009. Huwa ggradwa mill-Fakultà tat-Teoloġija fl‑Università ta’ Malta, u wara kiseb dottorat fit‑Teoloġija Pastorali. Dun Andrè ilu mill‑2018 membru tal‑bord tal‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali. Hu jaqdi wkoll il‑ministeru saċerdotali tiegħu bħala Delegat tal‑Arċisqof għall‑Ħajja u l‑Ħidma fil‑Parroċċi u bħala rettur taż‑żona pastorali Ta’ Mlit fil‑Mosta.