L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Jimmy Bonnici bħala Rettur tas‑Seminarju tal‑Arċisqof. Huwa ħatar ukoll lil Dun Carlo Calleja bħala Viċi Rettur. Huma ser jieħdu post Dun Albert Buhagiar li kien rettur tas‑Seminarju għal ħames snin, u Dun Ronnie Zammit li serva bħala viċi rettur għal erba’ snin.

Dun Jimmy Bonnici

Dun Jimmy Bonnici huwa mill‑Mosta u ġie ordnat saċerdot fl‑1998. Wara li fl‑2004 temm id‑dottorat fit‑Teoloġija Spiritwali fl‑Università Gregorjana f’Ruma, serva bħala direttur spiritwali fl‑iskola San Andrea, bħala rettur tas‑Seminarju tal-Arċisqof bejn l‑2007 u l‑2016, u bħala direttur tal‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali. Dun Jimmy se jibqa’ lettur fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta.

Dun Carlo Calleja

Dun Carlo Calleja huwa minn Tas‑Sliema u ġie ordnat saċerdot fl‑2015. Sena wara ggradwa mill‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta, u serva bħala saċerdot fil‑parroċċa ta’ San Pietru fil‑Ktajjen, Birżebbuġa. Fl‑2020 kiseb id‑dottorat fit‑Teoloġija Morali mill‑Kulleġġ ta’ Boston fl‑Amerka. Dun Carlo se jibqa’ lettur fil‑Fakultà tat‑Teoloġija u jagħti servizz pastorali fil‑parroċċa ta’ Stella Maris, Tas‑Sliema.