“Bil-qalb mimlija imħabba li kellu, Dun Mikiel ħareġ fil-beraħ lill-persuni b’diżabilità u tagħhom fejn joqogħdu: id-Dar tal-Providenza.”

Dan qalu Dun Frans Abdilla, Assistent Ekkleżjastiku tal-Azzjoni Kattolika Maltija, waqt quddiesa kkonċelebrata li fakkret is-36 anniverarju tal-mewt ta’ Dun Mikiel, il-fundatur tagħha. Dun Frans qal li t-tweġiba m’għandhiex tingħata b’argument imma bil-qalb. Hekk għamel Dun Mikiel meta wieġeb għas-sejħa li għamillu l-Mulej biex jara li l-persuni b’diżabilità jsibu posthom fis-soċjetà u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet u d-dinjità tagħhom.

Fil-quddiesa, li saret fil-kappella tad-Dar fis-Siġġiewi, Dun Frans kien assistit minn Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza u Dun Bernard Micallef, Direttur Spiritwali tas-Segretarjat Assistenza Soċjali fi ħdan l-Azzjoni Kattolika. Għal din iċ-ċelebrazzjoni attendew membri tal-Azzjoni Kattolika fosthom il-President Ġenerali Marija Cachia u Mary Anne Muscat, Viċi-President, flimkien ma’ residenti u ħaddiema tad-Dar.  

Wara ċ-ċelebrazzjoni, dawk preżenti nġabru madwar il-qabar ta’ Dun Mikiel għal mument ta’ riflessjoni u talb u Dun Frans bierek il-qabar.

Mons. Mikiel Azzopardi, li waqqaf id-Dar fl-1965, twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987, propju 36 sena ilu.