Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum, is-sitt Ħadd tal-Għid, ikellimna dwar l-Ispirtu s-Santu li Ġesù jsejjaħlu Paraklitu (cfr Ġw 14,15-17). Il-kelma Paraklitu ġejja mill-Grieg u tfisser fl-istess ħin dak li jagħti l-faraġ u avukat. Ifisser li l-Ispirtu s-Santu qatt ma jħallina waħedna, dejjem qribna bħalma avukat jibqa’ dejjem qrib l-imputat biex jassistih. U jissuġġerielna kif għandna niddefendu ruħna quddiem min jakkużana. Niftakru li l-akkużatur il-kbir hu dejjem ix-xitan, li jdaħħal fik id-dnub, iħajrek għad-dnub, għall-kattiverja. Nirriflettu fuq dawn iż-żewġ aspetti: il-qrubija tiegħu u l-għajnuna li jtina kontra min jakkużana.

Il-qrubija tiegħu: Ġesù jgħid li l-Ispirtu s-Santu “jibqa’ dejjem magħna” (cfr v. 17). Ma jabbandunana qatt. L-Ispirtu s-Santu jrid jibqa’ magħna: mhux xi mistieden li jagħmlilna żjara ta’ kortesija u jerġa’ jitlaq. Hu kumpann tal-ħajja, preżenza stabbli, hu Spirtu li jixtieq jgħammar fl-ispirtu tagħna. Paċenzjuż u jibqa’ magħna wkoll meta naqgħu. Jibqa’ magħna għax iħobbna tassew: ma jagħmilx tabirruħu li jħobbna biex imbagħad iħallina waħedna fid-diffikultajiet. Le, hu leali, trasparenti, awtentiku.

Anzi, jekk inkunu għaddejjin mill-prova, l-Ispirtu s-Santu jfarraġna, iwasslilna l-maħfra u l-qawwa t’Alla. U meta jurina l-iżbalji tagħna u jikkoreġina, jagħmel dan bil-ġentilezza: f’leħnu li jkellem lill-qalb, dejjem hemm it-timbru tat-tenerezza u s-sħana tal-imħabba. Ċertament, l-Ispirtu Paraklitu huwa esiġenti, għax hu ħabib veru, fidil, li ma jaħbi xejn, li jissuġġerielna x’għandna nibdlu u kif nikbru.  Iżda meta jikkoreġina ma jumiljana qatt, u qatt ma jnissel sfiduċja fina; bil-maqlub inissel fina ċ-ċertezza li ma’ Alla se jirnexxielna, dejjem. Din hi l-qrubija tiegħu. Hi ċertezza sabiħa!

It-tieni aspett, l-Ispirtu Paraklitu hu l-avukat tagħna u jiddefendina.  Jiddefendina minn dak kollu li jakkużana: minna nfusna, meta ma nħobbux lilna nfusna u ma naħfrux lilna nfusna, saħansitra sa jasal jgħidilna li aħna falluti u ma niswew għal xejn; quddiem id-dinja li tiskarta lil min ma jaqbilx mal-iskemi tagħha, mal-mudelli tagħha; quddiem ix-xitan li hu “l-akkużatur” per eċċellenza, dak li jifred (cfr Ap 12,10) u jagħmel minn kollox biex iġiegħelna nħossuna mhux kapaċi u mhux kuntenti.

Quddiem dawn il-ħsibijiet kollha ta’ akkużi, l-Ispirtu Paraklitu jissuġġerielna kif inwieġbu.  Kif? Il-Paraklitu, jgħid Ġesù, huwa dak li jfakkarna “dak kollu li qalilna Ġesù” (cfr Ġw 14,26).  Għalhekk Hu jfakkarna l-kliem tal-Evanġelju, u hekk jirnexxielna nwieġbu lix-xitan akkużatur mhux bi kliemna imma bl-istess kliem tal-Mulej. Fuq kollox ifakkarna li Ġesù kien dejjem jitkellem dwar il-Missier li hu fis-Sema, għax għarrafulna u rrivelalna l-imħabba tiegħu għalina, aħna li aħna wliedu. Jekk ninvokaw lill-Ispirtu, nitgħallmu nilqgħu u niftakru r-realtà l-aktar importanti tal-ħajja, li tħarisna mill-akkużi tal-ħażen. U liema hi din ir-realtà l-aktar importanti tal-ħajja? Li aħna wlied maħbuba ta’ Alla. Aħna wlied maħbubin ta’ Alla: din hi r-realta’ l-aktar importanti, u dan ifakkarna l-Ispirtu.

Ħuti, nistaqsu llum lilna nfusna: aħna nsejħulu lill-Ispirtu s-Santu, nitolbuh spiss? Ma ninsewhx lil dak li jinsab qribna, anzi ġewwa fina! Imbagħad, nagħtu widen għal leħnu, kemm meta jinkoraġġina inkella meta jikkoreġina? Inwieġbu bi kliem Ġesù l-akkużi tal-ħażen li jsirulna, “fit-tribunali” tal-ħajja? Niftakru li aħna wlied maħbubin ta’ Alla? Marija tagħmilna doċli għal-leħen tal-Ispirtu s-Santu u sensibbli għall-preżenza tiegħu.

Sors: laikos.org