“Ħadd ma jrid jitlaq mid‑dar, imma l‑ħajja ġġiegħlek.” Dawn kienu kliem wieħed mir‑refuġjati li l‑esperjenza tiegħu tinsab fil‑ktieb ‘Dying to Live’ ta’ Danielle Vella, ġurnalista u direttur tal‑International Reconciliation Program for the Jesuit Refugee Service (JRS). Il‑ktieb tnieda waqt avveniment ospitat mill‑Arċisqof Charles Scicluna fil‑Kurja l‑Furjana, li matulu ġew intervistati l‑awtur stess kif ukoll Daniel Jude Okoeguale, persuna li qed ifittex l‑ażil u li huwa residenti f’Malta.

Il‑ktieb jiġbor l‑esperjenzi ta’ rġiel, nisa u tfal li ma kellhom ebda għażla oħra ħlief li jitilqu minn pajjiżhom biex jgħixu. Il‑ktieb jinkludi stejjer ta’ kunflitt, oppressjoni u tortura matul vjaġġi ta’ qtigħ il‑qalb, kif ukoll l‑eżawriment u xi drabi disperazzjoni ta’ meta tgħix fil‑limbu għax ma tafx x’inhu ġej għalik.

Waqt li kien qed jindirizza t‑tnedija tal‑ktieb, l‑Arċisqof Charles Scicluna qal li l‑istejjer tar‑refuġjati fil‑ktieb huma komwoventi. Enfasizza r‑responsabbiltà li jiġu salvati n‑nies mill‑baħar skont il‑liġijiet internazzjonali, li nfittxu solidarjetà konkreta mill‑Ewropa, u li nerġgħu nikkunsidraw il‑ftehim li għandna mal‑Libja dwar il‑migrazzjoni.

L‑Arċisqof Scicluna rringrazzja lil Danielle Vella għall‑opportunità li offriet permezz ta’ dan il‑ktieb biex nirriflettu fuq mistoqsijiet importanti, li huwa qal m’għadhomx tweġibiet faċli: “Qed nagħmlu l‑affarijiet sew? Qegħdin nittrattaw lir‑refuġjati sew? Għandna l‑policy t‑tajba?” Appella lill‑awtoritajiet biex jirrevedu ċ‑ċentri ta’ detenzjoni u l‑mod ta’ kif nilqgħu lil dawk li jitolbu l‑ażil, biex nassiguraw li ħutna, li għandhom id‑dritt jgħixu f’kundizzjonijiet umani, jingħataw it‑tama.

L‑Arċisqof qal li kien impressjonat li meta qara l‑esperjenzi tar‑refuġjati li sofrew minħabba “l‑inumanità tal‑bniedem lejn il‑bniedem”. F’dawn l‑esperjenzi, qal, wieħed jista’ jara l‑ġrieħi miftuħa ta’ Ġesù Kristu.

L‑istejjer fil‑ktieb ‘Dying to Live – Stories from refugees on the road to freedom’ huma frott il‑vjaġġi li għamlet l‑awtur f’diversi pajjiżi fl‑Afrika tal‑Lvant, il‑Lvant Nofsani, l‑Ewropa u l‑Istati Uniti.

“Kull storja ta’ refuġjat hi unika – x’wassal biex tittieħed id‑deċiżjoni li jitilqu kollox, x’ġara wara – qatt mhuma l‑istess,” spjegat Danielle Vella. Hi qalet li dan il‑ktieb ipprovda wkoll lir‑refuġjati pjattaforma fejn jistgħu jaqsmu l‑istejjer tagħhom bla ma jiġu ttimbrati jew preġudikati.

Daniel Jude Okoeguale, li hu artist aspirant min‑Niġerja, waqt it‑tnedija qasam l‑esperjenza tiegħu u tkellem dwar l‑ostakli u t‑tbatija li ġarrab biex wasal Malta. Semma kif meta kien f’Sabha, fil‑Libja, il‑migranti li ma kinux iħallsu lit‑traffikanti kienu jiġu msakkra u ttorturati. “Kont fortunat biżżejjed biex ma nkunx wieħed minnhom, imma l‑gwerra ċivili fil‑Libja dak iż‑żmien ġagħlitni nħoss li aħjar ma tlaqtx mid‑dar. L‑isparar kien sar xi ħaġa ta’ kuljum,” qal Okoeguale. Fi tmiem it‑tnedija, il‑mistednin ingħataw bookmark b’pittura tiegħu li għamilha waqt li kien f’detenzjoni.

Fil‑konklużjoni tiegħu, il‑President tal‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi Daniel Darmanin qal li “quddiem stejjer bħal dawn ma nistgħux indawru wiċċna n‑naħa l‑oħra. Għandna d‑dmir nirrakkontaw dawn l‑istejjer, għaliex billi niffaċċjaw il‑verità biss nistgħu nġibu l‑ġustizzja u l‑paċi fid‑dinja”.

It‑tnedija tal‑ktieb kienet organizzata mill‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, il‑Jesuit Refugee Service (JRS) u l‑Kummissjoni Migranti. It‑tnedija ġibdet l‑attenzjoni mhux biss fuq id‑dwejjaq fiżiċi u mentali li jġarrbu r‑refuġjati imma anki r‑reżiljenza inkredibbli li juru fit‑tfittxija tagħhom għal ħajja dinjituża.

‘Dying to Live’ hu ppubblikat minn Rowman and Littlefield u jinsab online minn distributuri maġġuri bħal Amazon u Book Depository. Kopja tal-ktieb tista’ tinkiseb ukoll mill‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana.