• Ender’s Game

  • ***

    Direttur:        Gavin Hood

    Atturi:            Asa Butterfield, Hailee Steinfield, Harrison Ford, Ben Kingsley,

    Ħin:                114 minuti

    Klassifika taċ-Ċensura: 12A

    Klassifika tal-Knisja: 12A

    Madwar ħamsin sena wara li aljeni qieshom  nemel enormi, imsejħin ‘Formics’, attakkaw id-dinja imma ġew megħluba, hemm il-biża li se jerġgħu jattakkaw u jeqirdu d-dinja tagħna. Biex jilqa’ kontra din it-theddida twaqqaf programm militari għal tfal adolixxenti, minħabba li hu maħsub li t-tfal għandhom ħafna riflessi qawwijin u inqas jibżgħu. Ender Wiggin, tifel ta’ 12 il-sena huwa wieħed mil-kadetti l-aktar brillanti f’dan il-programm, u kemm il-Kurunell Graff kif ukoll il-Maġġur Anderson jarawh promittenti ħafna li jkun hu li jintagħżel biex jiddiriġi l-armata tat-tfal kontra l-attakk tal-Formics. Graff idaħħlu fl-iskola tal-battalja fejn Ender jitla’ minn grad għal ieħor billi juri li għandu kapaċita’ kbira tattika u ta’ tmexxija. L-ikbar sfida għal Ender tasal meta jiġi magħżul il-mexxej ta’ l-armata u għal dan il-għan jiġi mħarreġ mill-veteran leġġendarju Rackham. It-taħriġ kollu f’dan il-programm isir b’video games u hekk ukoll l-aħħar battalja hija speċi ta’ video game.

    Film interessanti ta’ fantaxjenza, mimli effetti speċjali, ibbażat fuq il-ktieb ta’ Orson Scott Card. Asa Butterfield jagħti interpretazzjoni tajba ħafna bħala Ender; hekk ukoll jagħmlu Hailee Steinfield, Ford u Kinglsey. Għalkemm il-qofol tal-film hu bbażat fuq video games, madankollu iwassal ukoll messaġġi ta’ tolleranza, empatija u kif wieħed jikkopja taħt pressjoni. Minħabba xeni ta’ vjolenza diġitali nissuġġerixxu li t-tfal taħt it-12 il-sena jkunu akkumpanjati mill-ġenituri.