L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-festa tal-Epifanija, din li qegħdin niċċelebraw illum, aħna l-Maltin nafuha wkoll bħala t-Tre Re, it-tliet slaten li żaru lil Ġesù. Huwa mument importanti fil-ħajja tal-Knisja meta wara l-Evanġelju, bħalma għadna kemm smajna, titħabbar id-data tal-Għid il-Kbir. Il-festi tal-Milied jiġu konklużi billi nħarsu lejn il-misteru kbir tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù.

Wara kollox, huwa dan li jattira lis-slaten maġi — li jirrapreżentaw il-ġnus kollha — biex ifittxu din it-tarbija. Fejn twieled? Fejn qiegħed is-Sultan tal-Lhud li twieled? Fejn? Erodi wkoll hu interessat ikun jaf fejn, anzi jinteressah ikun jaf min hu, fejn u anke meta. Dawn il-mistoqsijiet mhux biss jippruvaw jidentifikaw u jsibu min hu l-Messija imma huma mistoqsijiet li jaħbu reazzjonjiet differenti. Hemm it-taħwid li jħoss Erodi nimmaġina anke rabja qawwija, hemm il-ferħ tas-slaten li mxew u terrqu fit-tul ifittxu. It-tnejn qegħdin ifittxu imma b’qalb differenti.

Aħna nixtiequ nfittxu ’l Mulej bil-qalb safja tal-Maġi li ma kinux jafu x’tarbija se jiltaqgħu magħha. X’aktarx inħasdu bil-faqar tal-familja ta’ Nazaret, bil-faqar ta’ Ġużeppi u ta’ Marija imma t-teżori tagħhom huma teżori li jqimu re, li jqimu saċerdot, li jqimu bniedem li jkollu jmut. Fir-rigali tagħhom il-Knisja għarfet il-fidi tagħha. Imma lil Alla aħna ma noffrulux id-deheb, l-inċens u l-mirra, imma nifhmu li dawn huma espressjoni ta’ fidi li t-tarbija ta’ Betlehem hija Alla, hija re, is-sultan tal-paċi, imma hija wkoll immarkata bis-sinjal tal-mewt u tas-salib.

Erodi jsejjaħ lis-saċerdoti, lill-kittieba, u jistaqsihom fejn se jitwieled il-Messija (ara Mt 2:4). Huma jsibu r-risposta fil-Kelma ta’ Alla. Kemm tkun ħaġa sabiħa li meta nħarsu lejn il-Kelma ta’ Alla u naqrawha, naqrawha b’qalb safja. Erodi qraha b’apprensjoni, b’biża’, u b’għira kbira. Ir-risposta xorta kienet dik ta’ verità, imma l-qalb safja tagħti risposta li ssalvak mentri r-risposta li ħa Erodi kienet risposta li żergħet dmija u qerda.

Għeżież seminaristi li llum se tkunu istitwiti letturi, intom qegħdin tiġu msejħa biex tkunu qaddejja tal-Kelma. Fittxu r-risposta għażiża b’qalb safja u xandruha b’qalb safja. U intom, għeżież seminaristi li qed tiġu istitwiti qaddejja tal-Ewkaristija, ministri tal-Ewkaristija, tinsewx li t-tarbija ta’ Betlehem li jagħti ħajtu, isir ukoll ħobż tas-sema għalina, għal kull wieħed u waħda minna.

Aħna għandna bżonn nintrefgħu mill-ħarsa lejn l-art u nħarsu bħalma għamlu l-maġi lejn is-sema ’l fuq biex id-dehra tal-kewkba timliena bil-ferħ. “Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-dgħajjef u l-fqajjar u l-ħajja tal-fqajrin isalva” (S 71:12-13).

Aħna nies tal-gżejjer u hemm din l-espressjoni sabiħa fil-Liturġija tal-lum: “Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali” (S 71:10).  Aħna nies tal-gżejjer, ejjew nagħtu qalbna lill-Mulej Ġesù. Dan ikun ir-rigal tagħna.

Intom, għeżież seminaristi, li qed tagħtu ħajjitkom biex tkunu qaddejja tal-Kelma u tal-Ewkaristija, tagħkom mhijiex tellieqa ta’ min minkom se jasal l-ewwel. Ħaddnu l-madmad ħelu tal-ubbidjenza għaliex kif ir-ragħajja obdew il-kelma tal-anġlu, u kif il-maġi obdew is-sinjal tal-kewkba, hekk ukoll l-ubbidjenza tkun għalikom dik il-kewkba li tmexxikom u tagħtikom ferħ kbir. Mhijiex kwistjoni li tqabbel lilek innifsek ma’ ħaddieħor imma li tħares lejn il-kewkba, il-kewkba tal-ubbidjenza u tħalli ’l Alla jħenn għalik u jmexxik hu. Wara kollox, hekk għamel mal-Maġi, ħenn għalihom u mexxihom.

Ejjew nitolbu biex aħna nilqgħu lill-Mulej mhux bħalma laqgħu Erodi li qalilhom, “Meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu” (Mt 2:8) għaliex qalbu ma kinetx safja, imma nilqgħuh bħall-maġi, bħar-ragħajja, bħalma laqgħatu Marija, bħalma laqgħu Ġużeppi. Nilqgħu lil Ġesù b’qalb safja.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 60:1-6
Salm: 71 (72), 1-2.7-8.10-11,12-13
Qari II: Ef 3:2-3a. 5-6
Evanġelju: Mt 2:1-12

It-tliet seminaristi, Ian Diacono, Gylan Camilleri u Clive Seychell, li rċevew il-Ministeru tal-Lettorat flimkien mal-Arċsiqof Charles Jude Scicluna
Iż-żewġ seminaristi, Sean Abela u Jean‑Claude Attard, li rċevew il-Ministeru tal-Akkolitat flimkien mal-Arċsiqof Charles Jude Scicluna

Aktar ritratti >>