Wara x-xogħol ta’ restawr tal-faċċata ewlenija tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, ġiet inawgurata sistema ġdida ta’ dawl. Din ikkoinċidiet mal-festa ta’ San Kalċedonju li qed tiġi ċċelebrata llum (24 ta’ Lulju) u li l-fdalijiet tiegħu jinsabu fil-kappella tal-Kurja. Ġie inawgurat ukoll ir-restawr li sar fuq il-ħajt tal-ġenb tal-Kurja fi Triq Oliver Friggieri, li sa ftit ilu kienet Triq l-Argotti.

Il‑binja tal‑Kurja tal‑Arċisqof, li għandha faċċata ewlenija wiesgħa u tħares fuq Pjazza San Kalċedonju, qabel kienet magħrufa bħala Casa della Madonna di Manresa u oriġinarjament kienet dar tal‑irtir b’sular wieħed b’limitu ta’ għoli sa 24 palmi, kif kien ġie deċiż mill‑Ordni tal‑Kavallieri ta’ San Ġwann fl‑1744. Il‑binja kienet tinkludi kantina taħt il‑bini kollu. Il‑bini eventwalment ġie estiż fil‑livell tal‑ewwel sular, magħmul minn żewġ swali kbar. L‑ikbar xogħol strutturali, u ż‑żieda tal‑ewwel sular, beda fl‑1860. Matul it‑Tieni Gwerra Dinjija l‑bini sofra ħsarat estensivi.

Il‑Kurja tal‑Arċisqof għandha daħla imponenti mdawra b’kolonni fuq kull naħa tat‑taraġ ewlieni. Fuq il‑bieb prinċipali hemm skultura fuq il‑ġebla tal‑Madonna b’Ġesù tarbija fi ħdanha, imdawrin minn San Ġwann Battista u San Pawl Appostlu. Id‑dettalji l-oħra ta’ mal‑faċċata qatt ma tlestew. Fil‑pjan terran hemm biss żewġ twieqi kompluti b’ornamenti ta’ skultura fil-ġebla.

Michael Pace Ross, is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Kurja tal‑Arċisqof, qal li l‑fażi li jmiss hi li tiġi rrestawrata dar li tinfed mal‑Kurja u tinsab fi Triq l‑Iljun, kantuniera ma’ Triq Vincenzo Bugeja, u li eventwalment se tinbidel f’ċentru ta’ evanġelizzazzjoni. Is‑Sur Pace Ross qal li d-dawl tal-faċċata tal-Kurja sar b’mod metikoluż u skont l-ogħla standards ta’ dawl ta’ bini storiku. Huwa rringrazzja lil Melloncelli s.r.l., ibbażati fil‑provinċja ta’ Mantova fl‑Italja, li ħadu ħsieb is‑sistema tad‑dawl. Il‑proġett kien iffinanzjat mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta li fl‑aħħar snin żiedet l‑isforzi tagħha f’diversi parroċċi biex tiżgura li l‑patrimonju Kattoliku jiġi rrestawrat għall‑ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.