L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Fehmu li hu kien qiegħed jgħid għalihom” (Mt 21:45). Dan hu li  naqraw illum fl-Evanġelju fuq il-qassisin il-kbar u l-Fariżej li kienu għadhom kif semgħu l-parabbola li kien qal Ġesù ta’ sid il-għalqa li ħa ħsieb sew biex jagħmilha għalqa tajba, ħawwel id-dwieli, bnielha torri u qabbilha lil xi bdiewa.

L-Evanġelju jgħid li “fehmu li hu kien qiegħed jgħid għalihom” – u fehmu sew! Għax hawnhekk Ġesù kien qiegħed f’parabbola jiġbor fi ftit kliem l-Istorja tas-Salvazzjoni. Bħalma sid il-għalqa bagħat il-qaddejja tiegħu biex jiġbru l-frott tal-għalqa, u li dawn trattawhom ħażin, hekk Alla l-Missier bagħat diversi profeti tul is-snin u nies oħra li sabu oppożizzjoni kbira. U bħalma sid l-għalqa fl-aħħar qal “nibgħat lil ibni” u dan spiċċa maqtul “barra mill-għalqa”      (Mt 21:39), hekk il-Missier bagħat lil ibnu biex isalva d-dinja – imma spiċċa msawwat u maqtul barra l-belt. Fehmu sewwa li kien qiegħed jgħid għalihom. Hawnhekk Ġesù kien qed jgħid mhux biss dwar dak li kien sar tul is-snin, imma anke dwar dak li ġej; qed iħabbar minn xiex kellu jgħaddi hu.

Ġesù jgħid, fil-fatt: “Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka” (Mt 21:42). Qed jikkwota hawnhekk is-salm, u japplikah għalih. Verament, Ġesù hu dak li fuqu jinbena l-poplu ġdid ta’ Alla. L-Evanġelju jgħid li l-qassisin il-kbar u l-Fariżej, meta fehmu li kien qed jgħid għalihom, “riedu kieku jaqbduh taħt idejhom” (Mt 21:46). Innutaw kif b’għemilhom taw prova ta’ dak li kien għadu kif qal Ġesù fil-parabbola.

Aħna x’nitgħallmu minn din il-parabbola għalina, għall-ħajja tagħna? L-ewwel nett, nitgħallmu li Ġesù Kristu hu s-salvatur tagħna. Huwa hu li ġie fid-dinja biex lilna jsalvana. Aħna nistgħu jew naċċettawh jew nirrifjutawh bħalma rajna fil-parabbola. Meta aħna naċċettawh, aħna li mmorru minn fuq, aħna li nkunu tassew qed ingawdu l-ġid. U meta nirrifjutawh, aħna li nkunu qed nagħmlu ħsara lilna nfusna. 

Imbagħad nixtieqkom tinnutaw xi ħaġa f’din il-parabbola li għandha messaġġ qawwi għall-ħajja tagħna. Minn fejn beda l-gwaj f’din il-parabbola? Meta l-bdiewa li kienu fdati minn sid il-għalqa, flok qdew din ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb l-għalqa, għamlu l-għalqa tagħhom. Warrbu lis-sid, u riedu jkunu huma s-sidien tal-għalqa. Għamluha tagħhom. Fil-fatt, meta huma jirrifjutaw lill-qaddejja u lil iben is-sid, qed jirrifjutaw lis-sid. Qed iwarrbu lilu, biex huma jkunu s-sidien. Dak li ġie fdat f’idejhom, flok qdew din ir-responsabbiltà, għamluh tagħhom. Dan hu messaġġ importanti ħafna għall-ħajja tagħna. Lilna Alla jafdalna ħafna biex aħna nieħdu ħsiebu fil-ħajja tagħna. Id-doni jiġu mingħandu biex aħna nieħdu ħsiebhom – mhux biex aħna nwarrbu lilu, is-sid, u nagħmlu lilna nfusna sidien; mhux biex aħna nwarrbu lilu, u nagħmlu dak li jagħtina tagħna qisu ġej minna. Dan jgħodd għall-ħajja kollha tagħna. Ħa nsemmi eżempju wieħed.

Alla fdalna l-ħolqien, biex aħna nieħdu ħsiebu, biex niftakru li hu don tiegħu, li hu s-sid. Jekk aħna nwarrbu lilu, u l-ħolqien nagħmluh tagħna – aħna s-sidien tal-ħolqien u nagħmlu bih li rridu – aktarx li kemm-il darba nagħmlu rovina. Flok niġbru frott mill-art niġbru biss il-fdal tal-concrete.

Nitolbu lill-Mulej biex aħna nagħrfuh dejjem bħala s-sid tagħna; nagħrfu lil Ġesù s-salvatur tagħna, u d-doni li jagħtina fil-ħajja tagħna; u ngħixu dejjem bi gratitudni lejh għal dak li hu fdalna f’idejna. Nitolbuh biex naqdu dejjem b’imħabba u b’responsabbiltà kbira l-missjoni li tana Alla biex nieħdu ħsiebha, waqt li dejjem niftakru li hu s-sid tal-ħajja tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju